Fil-Venezwela spiċċaw l-ostji għax m’hemmx dqiq

Il-knejjes u s-supermarkets fil-Venezwela qed isofru minn nuqqas ta’ dqiq.
Għal ħafna snin dan il-pajjiż ilu għaddej minn kriżi ta’ nuqqas ta’ ikel u issa dan in-nuqqas beda jinħass ukoll fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.  Infatti stazzjon tar-radju qal li l-knejjes fl-istat ta’ Merida, fl-Andews, ma kienx hemm dqiq għall-produzzjoni tal-ostji għall-quddies.
Fr Edward Molina, kappillan lokal qal li l-knisja tiegħu ma kelliex dqiq biex tagħmel l-ostji għat-tqarbin. Xi saċerdoti appellaw lin-nies biex jieħdu d-dqiq lis-sorijiet li jagħmlu l-ostji.
Żied jgħid li biex iżidu n-numru tal-ostji kienu se jaqsmuhom fi tnejn biex aktar nies ikunu jistgħu jitqarbnu. “Madankollu, jekk jispiċċaw l-ostji, is-saċerdoti kienu se jibdew jagħmlu tqarbin spiritwali li mhux sostitut għall-ostji imma jagħti opportunita lill-Insara li jitolbu għall-preżenza t’Alla”.
Gazzetta Venezwelana rrappurtat li qed jitqassam frak tal-ħobż minflok l-ostji waqt il-quddies.
Giovanni Luisio Mass, li hu responsabbli mill-produzzjoni tal-ostji, qal li l-produzzjoni waqgħet minn 80,000 għal 30,000 ostja fix-xahar.
Id-dqiq, li hu l-ingredjent ewlieni fil-produzzjoni tal-ostji, sar xi ħaġa rari fil-Venezwela kif sar ukoll f'75% tal-prodotti tal-ikel. 
Ingredjenti bażiċi bħalma huma l-ħalib, marġerina, kafè u anke zokkor, għebu għal kollox minn xi supermarkets.
Il-kawża ta’ din il-kriżi tan-nuqqas ta’ ikel huma n-nazzjonalizazzjoni ta’ diversi kumpaniji kif ukoll ir-restrizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ prodotti li huma parti minn kriżi ekonomika akbar li qed tolqot il-pajjiż.
Skont studju dwar il-Kundizzjonijiet tal-Ħajja fil-Venezwela, aktar minn 60% tal-poplu s-sena li għaddiet bata l-ġuħ u minn ras għal ras tilfu 11-il kilo fil-piż tagħhom.