Fil-Venezwela: Ikla għal kulħadd fil-Għid

Hekk kif il-kriżi politika u soċjali fil-Venezwela qed tkompli tikkarga, b’disa’ minn kull għaxar familji m’għandhomx ikel biżżejjed, l-Isqfijiet qed iħeġġu lill-parroċċi biex jorganizzaw “ikla bejn l-aħwa” nhar Ħadd il-Għid, fost diversi attivitajiet oħra matul il-Ġimgħa Mqaddsa biex jgħinu lill-foqra u dawk fil-bżonn.
Fi stqarrija li ħarġu l-ġimgħa li għaddiet l-Isqfijiet għamlu sejħa biex matul il-bqija tar-Randan u l-Għid “jiżdiedu ż-żjajjar lill-morda, l-anzjani, lil dawk li huma mċaħħda mil-libertà u lill-komunitajiet fil-bżonn.
Filwaqt li bosta Venezwelani qed jaħarbu mill-pajjiz u jmorru fil-pajjiżi ġirien, l-Isqfijiet appellaw lill-Kattoliċi u dawk ta’ rieda tajba biex jakkumpanjaw lil dawk li “jħossu d-dwejjaq tal-firda mill-għeżież tagħhom u minn art uliedhom biex imorru f’pajjiżi oħra.
Hu kkalkolat li madwar miljun persuna telqu mill-Venezwela fl-aħħar tliet snin tant li l-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda (UNHCR) għamlet rapport li fih qed tħeġġeġ lill-pajjiżi ġirien biex iqisu lil dawn in-nies bħala refuġjati u mhux sempliċement emigranti ekonomiċi.
Il-UNHCR irrakkomandat ukoll li l-pajjiżi li qed jirċievu nies mill-Venezwela, ma jiddeportawhomx, ma jkeċċuhomx u ma jġegħluhomx jirritornaw lejn pajjiżhom, minħabba s-sitwazzjoni li hemm f’pajjiżhom bħalissa.
Pajjiżi bħall-Kolombja, il-Brażil, l-Arġentina u c-Ċilì huma mħeġġa jiggarantixxu lill-Venezwelani residenza u d-dritt għax-xogħol anke jekk waslu f’dawn il-pajjiżi illegalment.
Skont l-Isqfijiet, il-Venezwela saret “art stramba” li għalkemm għandha ħafna ġid u potenzjali, fost waħda mill-akbar riżervi taż-żejt fid-dinja, “spiċċat iddisprezzata għax hemm min ippretenda li jimplimenta sistema totalitarja, inġusta, ineffiċjenti u manipulattiva”.
“It-tmexxija politika ma kenitx u mhix kapaċi, iffaċċjata bil-problemi tal-pajjiż”, qalu l-Isqfijiet. “Jidher li l-kwalita’ tal-ħajja tal-Venezwelani mhix prijorità għal min qed jiggvernana. Il-mexxejja huma insensittivi għal ħafna uġigħ, tbatija u saħansitra mwiet”.