Fil-vaganzi l-Papa jibqa’ jissorprendi lin-nies

​Fil-vaganzi tiegħu l-Papa Franġisku jibqa’ jissorprendi lin-nies.
Hekk kif il-Papa qiegħed fl-appartament f’Santa Marta spikkat tabella mwaħħla fuq il-bieb tiegħu bil-messaġġ “ Huwa projbit li tilmenta”. Dan il-messaġġ jispjega li l-ilmenti jdgħajfu l-burdata u ma jħallukx issolvi l-problemi.
Il-messaġġ ikompli jgħid li wieħed għandu jiffoka fuq il-potenzjal tiegħu u mhux fuq il-limiti tiegħu, għalhekk ieqaf ilmenta u aħdem biex ittejjeb ħajtek.
Dan il-messaġġ huwa tal-psikologu Salvo Noè.
Il-psikologu Salvo Noè ddedika l-aħħar ftit paġni tal-aħħar ktieb tiegħu lill-Papa Franġisku. Din it-tabella kien tahielu l-awtur innifsu f’laqgħa li kellu mal-Papa.
Kemm-il darba l-Papa Franġisku appella biex wieħed jevita li joqgħod jilmenta u jiffoka fuq is-sbuħija tal-ħajja.
Il-qassis li ġibed ir-ritratt tat-tabella mal-bieb qal li minkejja li l-Papa jinsab irrilassat u seren huwa baqa’ għaddej b’xi xogħol, b’mod partikolari jippjana l-vjaġġ li jmiss għall-Kolumbja.