Fil-Qorti jingħad li John Dalli kien lest jieħu riskji dwar id-direttiva tat-tabakk

Waqt li kien qed jagħti x-xhieda tiegħu dwar il-każ tal-Kummissarju tas-Saħħa John Dalli, l-ispettur tal-Pulizja Angelo Gafa tkellem dwar in-negozjant Silvio Zammit, l-eks Viċi-Sindku ta’ Tas-Sliema akkużat li pprova jinfluwenza s-suq tat-tabakk b’mod illegali.

Skont l-Ispettur Gafa, Zammit kien qal lill-European Smokeless Tobacco Council li John Dalli kien lest jieħu ċertu riskji dwar id-direttiva tat-tabakk, bl-istess mod li kien għamel dwar il-GMOs, jew aħjar id-direttiva dwar il-prodotti modifikati ġenetikament.

L-akkużi kontra Silvio Zammit huma marbuta mal-każ tal-isnus, li huwa tip ta’ tabakk forma ta’ trab. Dan il-każ wassal għar-riżenja ta’ John Dalli minn Kummissarju Ewropew. L-Aġenzija Ewropea kontra l-Frodi qalet li John Dalli kien jaf li Zammit kien talab somma flus lill-kumpanija Svediża tat-tabakk, biex tinbidel liġi Ewropea dwar it-tabakk.