Fil-Polonja tinstab ferrovija antika tan-Nażi

Fil-Polonja jidher li nstabet ferrovija antika tan-Nażi li kienet intilfet fiż-żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Din il-ferrovija hija mimlija b’armamenti tal-Gwerra u anke ġojjelli.
Ritratti meħudin minn apparat bir-radar juri ferrovija twila 100 metru u skont il-Ministru tal-Kultura tal-Polonja Piotr Zuchowski din hija l-ewwel konferma uffiċjali li l-ferrovija għadha teżisti.
Il-vettura kienet armata sew u dan juri li t-tagħbija kienet importanti li setgħet kienet apparat militari jew anke ġojjelli, arti u dokumenti antiki.
Il-Ministru tal-Kultura qal li l-esperti jistgħu ikunu ċerti biss meta jtellgħu il-fdalijiet f’wiċċ l-art imma r-ritratti juru kważi b’ċertezza l-eżistenza tal-ferrovija.
B’reazzjoni għal din l-aħbar il-Kungress Internazzjonali tal-Lhud qal li jekk jinstabu oġġetti ta’ valur għandhom jingħataw lill-propjetarji tagħhom jew lill-familjari tagħhom.
L-awtoritajiet fil-Polonja bdew ifittxu din il-ferrovija iktar kmieni dan ix-xahar wara li Ġermaniż u Pollakk sabu dawn ir-ritratti li jixhdu li l-ferrovija għadha teżisti.
F’ittra lill-awtoritajiet Pollakki huma qalu li qed jistennew 10% tal-valur li jinstab bħala rigal.