“Fil-politika trid timxi mar-ritmu bħal fiż-żfin” – Felix Busuttil

Il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Felix Busuttil qal li l-karriera tiegħu fiż-żfin għallmitu ħafna, għax tgħallem li qatt ma jista’ jkun waħdu, imma jrid jimxi mar-ritmu. Dan ingħad waqt it-tnedija uffiċjali tal-kampanja elettorali bl-isem Mill-Qalb ta’ Busuttil.

Busuttil kompla jgħid li biż-żfin, tgħallem ikun politiku ta’ saħħa fiżika u mentali, tgħallem ikun emottiv u b’passjoni lejn dak li jagħmel. Jemmen li għalkemm xi drabi jaf tiġi insultat, jeħtieġ li ttemm dak li tkun bdejt.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat irringrazzja lil Busuttil talli ma beżax juri wiċċu minkejja li kien żmien diffiċli. Muscat innota kif it-tim tal-kandidati din id-darba kien qiegħed jistagħna biż-żieda ta’ artist fosthom, peress li Busuttil huwa żeffien professjonali.

Il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli qablet mal-Prim Ministru u qalet li bħalma Busuttil għamel isem għal Malta fil-qasam artistiku, ċerta li huwa jista’ jagħmel l-istess fil-Parlament Ewropew. Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li l-isem tal-kampanja ta’ Busuttil huwa addattat għax skontu, Busuttil imexxi l-ħidma tiegħu minn qalbu.