Fil-plaċenta jsibu partiċelli tat-tniġġiż tal-arja

Riċerka ġdida turi xhieda ċara li t-tniġġiż fl-arja jgħaddi direttament mingħand l-omm għal għand it-tarbija fil-ġuf. Ix-xjentisti sabu l-ewwel provi li partiċelli mill-arja mniġġsa jgħaddu mill-pulmuni tal-mara tqila u jeħlu fil-plaċenta.

L-arja mniġġża diġà hi ppruvata li tagħmel ħsara lill-feti iżda għadu mhux magħruf eżatt kif isseħħ din il-ħsara. L-istudju l-ġdid li sar ma’ ommijiet minn Londra, jiżvela li nstabu partiċelli tal-arja mniġġsa fil-plaċenta ta’ kull tarbija u r-riċerkaturi jgħidu li hu possibli ħafna li l-partiċelli daħlu fil-feti wkoll.

Dr Lisa Miyashita, mill-Università ta’ Queen Mary f’Londra qalet li din hi problema ta’ tħassib kbir għax hemm rabta qawwija bejn l-arja li tibla’ l-omm tqila u l-effetti li din ikollha fuq il-fetu. Tgħid li hu għalhekk tajjeb, li persuna li tkun qed tistenna tarbija tagħżel rotot inqas traffikużi.

Għadd ta’ studji li saru qabel urew li t-tniġġiż fl-arja iżid ir-riskju tal-mewt prematura u l-piż żgħir mat-twelid, li jwasslu għal ħsara fis-saħħa tul il-ħajja. Studju kbir ta’ aktar minn 500,000 twelid f’Londra, ippublikat f’Diċembru, ikkonferma r-rabta diretta u wassal lit-tobba biex jiddikjarw li l-implikazzjonijiet għal miljun ta’ nisa fi bliet imniġġsa madwar id-dinja qed joqorbu l-livelli ta’ katastrofi fis-saħħa pubblika.

L-istudju l-ġdid eżamina l-plaċenta ta’ ħames nisa li welldu trabi b’saħħithom. Permezz ta’ analiżi bil-mikroskopju, ix-xjentisti sabu 72 partiċella skura fost 3,500 ċellola. Wara użaw mikroskopju iktar speċjalizzat biex eżaminaw il-forma ta’ wħud mill-partiċelli. Dawn kienu jixbħu lill-partiċelli li nstabu fil-pulmuni, fejn jinqabdu kull tip ta’ partiċelli mill-arja.

Dr Miyashita qalet li se jkomplu jsiru iktar studji iżda minn studji li saru qabel fuq l-annimali instab li partiċelli li daħlu mill-pulmun spiċċaw għaddew mid-demm u dritt għall-plaċentas. Spjegat li avolja għad m’hemmx provi ċari, huwa possibli ħafna li l-partiċelli jispiċċaw iduru fil-fetu, u anke jekk jibqgħu fil-plaċenta biss, xorta jkollhom effett ħażin fuq is-saħħa tat-tarbija.

Ir-riċerka qed tiġi ppreżentata f’kungress internazzjonali tas-Soċjetà Respiratorja Ewropea. Ġie spjegat li dan l-istudju juri l-mekkaniżmu ta’ kif possibilment it-trabi jiġu milquta mit-tniġġiż fl-arja meta fit-teorija jinsabu protetti fil-ġuf. Il-President tas-Soċjetà, Prof Mina Gaga qalet li dan kollu għandu jqajjem kuxjenza fost it-tobba u l-pubbliku dwar il-ħsara li tagħmel l-arja mniġġsa fuq in-nisa tqal. Qalet li hemm bżonn politika iktar iebsa għal arja nadifa biex jitnaqqas l-effett tat-tniġġis fuq is-saħħa pubblika madwar id-dinja, għaliex diġà qed tikber popolazzjoni ġdida ta’ żagħżagħ bi problemi ta’ saħħa.

Id-direttur tal-Unicef, Anthony Lake, ftit ilu wissa dwar il-ħsara tal-arja mniġġsa fuq it-trabi, “Mhux biss it-tniġġis jagħmel ħsara fil-pulmuni li qed jikbru fit-tarbija, iżda ssir ħsara permanenti fl-imħuħ li qed jiżviluppaw, u allura ħsara anke fil-futur tat-tarbija.”

Riċerka oħra ppreżentata fil-kungress turi li tfal li bdew ibatu mill-ażżma minn kmieni, immoru inqas tajjeb fl-iskola minn dawk mingħajr il-kundizzjoni. Din il-kundizzjoni ilha titqies li hi marbuta mat-tniġġis fl-arja. L-istudju sar fl-Isvezja fuq perjodu ta’ 20 sena u juri li tfal bil-kundizzjoni għandhom tliet darbiet u nofs iktar ċans li jitilqu mill-iskola ta’ 16 il-sena b’edukazzjoni bażika u għandhom ċans doppju li ma jlestux kors fl-università.