“Fil-Perù konna nżewġu 12 f’daqqa”

Fr Vincent Magro mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl qal ma’ Newsbook.com.mt li waqt li kien qed jaqdi l-missjoni tiegħu fil-Perù ġieli kienu anke jżewġu bejn 10 u 12-il koppja f’daqqa.

Fr Magro kien qed jirrakkonta wħud mill-esperjenzi li għadda minnhom waqt li kien qed jaħdem fil-komunitajiet fil-Perù, missjoni li bdiet fl-1968.

Spjega li t-tradizzjonijiet fil-Perù huma differenti għall-aħħar milli f’Malta. Spjega li hemm mhux kulħadd għandu minn fejn iħallas biex jagħmel tieġ kbir u lussuż. Għaldaqstant, mhux l-ewwel darba li kien ikollok sa 12-il koppja li jiżżewġu kollha fl-istess jum u waqt l-istess ċerimonja. Qal li qabel jiżżewġu, dawn il-koppji jagħmlu wkoll sitt xhur kors.

Fr Vincent Magro, li għamel snin twal jaħdem fil-Perù ma’ bosta persuni foqra kien irrakkonta ma’ Newsbook.com.mt il-vjaġġ twil li għamel fuq il-baħar sabiex wasal fil-pajjiż.

Irrakkonta wkoll kemm kien jieħu pjaċir jara t-tfal libsin l-abjad sabiex jagħmlu l-Ewwel Tqarbina. Fr Magro rrimarka li l-preparamenti għall-Ewwel Tqarbina huma kemmxejn differenti fil-pajjiż. Spjega li t-tfal jagħmlu sentejn kors ibbażat fuq dutrina ġdida li bdiet fiċ-Ċilì. Il-kors ikun kemm għat-tfal, kif ukoll għall-ġenituri miżżewġin tagħhom, b’katekisti separati. Imbagħad qal li darba fix-xahar issir ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla biż-żewġ gruppi flimkien fejn ikun hemm ħafna żfin u kant.

Fr Vincent Magro, li għamel snin twal jaħdem fil-Perù ma’ bosta persuni foqra kien irrakkonta ma’ Newsbook.com.mt il-vjaġġ twil li għamel fuq il-baħar sabiex wasal fil-pajjiż.

Fl-1910, Mons. Joseph De Piro beda s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, li hija kongregazzjoni missjunarja ta’ qassisin u patrijiet Kattoliċi. Fl-1921 is-soċjetà ħadet l-ewwel approvazzjoni djoċesana. F’din is-sena nfetħet l-ewwel dar għas-soċjetà. L-ewwel missjoni barra mill-pajjiż bdiet fl-1948 f’Sydney fl-Awstralja.