Filmat: Fil-periklu wara li waqa’ bil-karozza fil-baħar f’Ta’ Xbiex

Pollakk ta' 20 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li spiċċa bil-karozza fil-baħar fix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex.  L-inċident ġara għall-ħabta tal-4 ta’ filgħodu.

Minn informazzjoni li Newsbook.com.mt ġabar minn fuq il-post jidher li l-Pollakk kien nieżel minn Triq l-Abate Rigord, tilef il-kontroll tal-karozza, ħabat ma’ karozza pparkjata u kiser għal fuq l-iskall li jintuża mis-sajjieda biex jgħabbu u jħottu d-dgħajsa.
Qabel ma spiċċat rasha ‘l isfel, il-karozza ħabtet ukoll ma’ vann u żewġ dgħajjes oħra.

Iż-żagħżugħ jidher li għamel minn tal-inqas 15-il minuta maqbud fil-karozza minħabba li kellu ċ-ċinturin tas-sigurtà.  Kienet mara li taħdem fl-akwati li ċemplet għall-għajnuna.
Jidher ukoll li qabżu wkoll xi nies biex isalwah iżda mbagħad ittella’ mill-għaddasa u mbagħad ittieħed Mater Dei għall-kura.
Il-baħar fejn niżlet vertikali l-karozza hu fond maż-żewġ metri. 

Il-karozza ttellgħet madwar sitt sigħat u nofs wara u fiha kien hemm id-dokumenti kollha ta’ identifikazzjoni.  Hu evidenti li minbarra l-ħsarat li ġarbet fuq quddiem, kien hemm tyre wieħed biss mifqugħ, dak ta’ quddiem fuq ix-xellug.
Il-Maġistrat Miriam Hayman qed tieħu ħsieb il-każ.

F'Mejju li għadda, kien seħħ inċident simili fl-istess żona meta tfajla oħra baqgħet nieżla bil-karozza tagħha fil-marina tal-Gżira.