Fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ f’sit ta’ kostruzzjoni

Raġel qed jissielet għal ħajtu wara li waqa’ f’sit ta’ kostruzzjoni fis-Siġġiewi.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li raġel Tork ta’ 43 sena residenti Birkirkara ndarab f’sit ta’ kostruzzjoni li jinsab fi Triq Ħal Farruġ. Il-każ seħħ għall-ħabta tat-8am illum.

Il-Pulizija marru fuq il-post fejn sabu li r-raġel sofra xi ġrieħi wara li waqa’ minn fuq struttura tal-ħadid. Tim mediku tah l-ewwel għajnuna fuq il-post, imbagħad ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.

Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat Josette Demicoli li ħatret diversi esperti biex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.