Aġġornata (2): Tnejn fil-periklu tal-mewt wara żewġ inċidenti tat-traffiku separati

08:02am: Żagħżugħ ta' 21 sena miż-Żejtun jinsab fil-periklu tal-mewt wara li l-karozza li kien riekeb fiha bħala passiġġier baqgħet dieħla f'karozza tal-linja tal-Arriva.

Dan l-inċident seħħ fis-sitta tal-bieraħ filgħaxija f'Dawret Ħal Għaxaq.

Il-karozza tal-Arriva kienet misjuqa minn xufier mara ta' 55 sena min-Naxxar. 

 

Aktar qabel: Raġel ta’ 38 sena minn Ħal Tarxien jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar minn karozza fil-Fgura.

L-inċident ġara llejla għall-ħabta tat-tmienja u nofs fi Triq Ħaż-Żabbar.

Jirriżulta li l-karozza li tajritu kienet sejra fid-direzzjoni lejn Raħal Ġdid u kienet qed tinstaq minn żagħżugħ ta’ 21 sena minn Ħaż-Żabbar.

It-Tarxiniż ittieħed Mater Dei b’ambulanza u ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

Il-Maġistrat tal-Għassa ħatar diversi persuni biex jgħinuh fl-inkejsta u l-pulizija qed tinvestiga.