Fil-periklu tal-mewt wara li sfronda saqaf bih

Raġel barrani ta’ 24 sena jinsab f’qagħda kritika wara li sfronda saqaf bih f’residenza privata.
L-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tat-8.30 fi Triq Castro n-Naxxar f’residenza li tinsab taħt kostruzzjoni.
Jidher li l-ħaddiem mill-Mali kien qed juża jigger meta għal xi raġuni sfronda s-saqaf bih u waqa’.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel Mater Dei għall-kura, fejn iktar tard ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa li ordnat inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

Ritratt: The Malta Police Force fuq Facebook