Fil-periklu tal-mewt wara li nstab bi ġrieħi f’rasu u f’wiċċu fl-Imsida

Malta Police Force

Raġel qed jissielet għal ħajtu wara li nstab bi ġrieħi f’rasu u f’wiċċu fi blokka appartamenti fl-Imsida.

Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li r-raġel ta’ 43 sena ta’ nazzjonalità Brażiljana u residenti l-Imsida ttieħed l-Isptar Mater Dei b’emerġenza kmieni dalgħodu. Għall-ħabta tas-6.30am il-pulizija tal-Għssa tal-Imsida rċevew telefonata b’talba għall-assistenza fi blokka ta’ appartament fi Triq il-Ħriereb.

Malli waslu fuq il-post, il-pulizija tad-distrett flimkien ma’ dawk tal-RIU, innutaw demm fil-parti tal-komun tal-appartament u hemm sabu lill-vittam bi ġrieħi f’rasu u f’wiċċu. Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei.

Skont l-investigazzjonijiet tal-pulizija jidher li r-raġel x’aktarx waqa’ u ħabat rasu ma’ bieb ta’ wieħed mill-appartamenti.

Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Mariseann Farrugia. Hi ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha.