Fil-periklu tal-mewt wara li nqabditlu idu f’magna

Raġel jinsab fil-periklu tal-mewt wara li weġġa’ b’magna waqt li kien fuq xogħol ġo barriera.

Ir-raġel għandu 38 sena u joqgħod il-Mosta. Huwa kien qed jaħdem fi Triq il-Labour fin-Naxxar għall-ħabta tal-4.40pm meta idu nqabdet ġo magna.

Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, u iżjed tard ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

Il-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech fetħet inkjesta dwar il-każ.