Fil-periklu tal-mewt wara li nqabad bejn gaffa u trakk f’Ħaż-Żebbuġ

Raġel qed jissielet għal ħajtu wara li nqabad bejn inġenji f’Ħaż-Żebbuġ.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li l-inċident seħħ fit-8.30am fi Triq Mikielang Sapiano. Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post fejn sabu żagħżugħ ta’ 26 sena minn Ħaż-Żebbuġ stess viċin ta’ gaffa u trakk. Hu nqabad bejn l-inġenji meta kien qed iċaqlaqhom.

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku kienu fuq il-post sabiex jassistu lill-vittma. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti.