Fil-periklu tal-mewt wara li l-karozza tiegħu ħadet in-nar

CMRu

Raġel qed jissielet għal ħajtu wara li l-karozza tiegħu ħadet in-nar kawża ta’ inċident fil-Ħamrun.

Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li għall-ħabta tal-9.45pm, Kuntistabbli li kien għaddej minn Triq Nazzjonali fil-Ħamrun, innota karozza li kienet qed tieħu n-nar. Hu għen lis-sewwieq, raġel ta’ 37 sena residenti tal-Pietà, sabiex joħroġ mill-karozza filwaqt li talab l-għajnuna ta’ tim mediku u l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.

L-investigazzjonijiet ħarġu li għal xi raġuni, ir-raġel tilef il-kontroll tal-karozza li kien qed isuq u ħabat f’siġra. Minħabba l-ħsarat li ġarrbet il-karozza, żviluppaw nirien li fi ftit tal-ħin ġew ikkontrollati mill-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.

Tim mediku assista lir-raġel fuq il-post u mbagħad hu ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.

Dwar il-każ infetħet injesta mmexxija mill-Maġistrat Gabriella Vella.