Fil-periklu tal-mewt raġel li daħal ġo ħajt bil-mutur fin-Naxxar

CMRU

Raġel li ħabat bil-mutur tul il-lejl jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

L-inċident ġara fit-2.45am fi Triq Tul il-Kosta fin-Naxxar, fid-direzzjoni lejn San Ġiljan.

Il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm persuna feruta mal-art f’din it-triq, u malli waslet, intebħet li s-sewwieq tal-mutur, raġel ta’ 29 sena li joqgħod Bormla, kien ħabat ġo ħajt u mbagħad tkaxkar diversi metri.

CMRU

Issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei b’emerġenza. Aktar tard ġie ċċertifikat li għandu ġrieħi serji u jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

Bil-każ ġie infurmat il-Magistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia li ordna li ssir inkjesta u ħatar
diversi esperti biex jassistuh.

It-triq għadha magħluqa minħabba dan l-inċident, u dan ħoloq it-traffiku fiż-żona.

Dan ma kienx l-uniku inċident fl-aħħar sigħat, peress li kien hemm inċident bil-mutur fix-Xewkija lbieraħ filgħaxija wkoll. Is-sewwieq ferut f’dan l-inċident għandu ġrieħi gravi.