Fil-Parlament dan ix-xahar: X’se jiddiskutu?

Il-Parlament ssokta b’aġenda mimlija daqs bajda fl-2018.
Il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri qal lil Newsbook.com.mt li l-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra diġà ddeċieda l-aġenda tal-Parlament għax-xahar ta’ Jannar. Fost dawn hemm li l-ġimgħa d-dieħla l-Parlament se jiltaqa’ l-Ħamis ukoll.
Mistennija fost l-oħrajn li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jagħmlu dibattitu fuq il-bejgħ tal-konċessjoni tat-3 sptarijiet pubbliċi minn Vitals Global Healthcare għand l-Istewards tal-Istati Uniti.
Dr Camilleri qal li l-Gvern se jispjega għala fi ħsiebu dan il-ftehim hu tajjeb u bżonnjuż. Il-Whip tal-Gvern qal li lejn l-aħħar ta’ Jannar, il-Parlament se jibda jiddibatti l-emendi fil-liġi biex fl-elezzjonijiet ġenerali u tal-Parlament Ewropew jibdew jivvutaw dawk li għalqu s-16-il sena.
Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal lil dan is-sit li l-Oppożizzjoni se tkompli tkun pożittiva u proattiva fil-ħidma parlamentari tagħha.  Qal li l-Oppożizzjoni se tkompli tressaq numru ta’  mozzjonijiet u emendi fuq legiżlazzjonijiet li se jkun qed iressaq il-Gvern, iżda se tkun l-Oppożizzjoni stess li tressaq abbozzi ta' liġijiet varji .
Cutajar qal “se nkunu attivi sew fil-ħidma tagħna Parlamentari b'rabta mal-vjolenza domestika, l-użu tad-droga għall-skopijiet mediċinali u l-Vot 16. Ovvjament suġġetti li żvolġew fi stejjer oxxeni bħalma huma l-bejgħ tal-isptarijiet ta' Għawdex, Karin Grech u San Luqa flimkien mal-għoti tal-art fiż-Żonqor se nkomplu nagħtuhom l-attenzjoni li jixirqilhom.”
Żied jgħid li  “l-iżviluppi li rajna jseħħu fl-ewwel jiem ta' din is-sena komplew taw raġun kemm l-Oppożizzjoni kellha raġun meta kkritikat lill-Gvern għal dak li kien qed iseħħ fuq dawn iż-żewġ kuntratti, fejn il-PN ingħata ċertifikat li altru li mhux qed ikun Oppożizzjoni negattiva”