Fil-Parlament: Ċajt, tgħajjir… u mużika?

It-tieni jum tal-Parlament, li kien jinkludi żewġ seduti, bħas-soltu, ma kienx ikkaratterizzat biss minn botti u risposti bejn id-deputati tal-Gvern u l-Oppożizzjoni, imma anke b'battuti u aneddoti li jnisslulek tbissima. 
Bdejna bis-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, li indirizza lid-Deputata Nazzjonalista Therese Comodini Cachia, bħala 'Comodini'. Debattista skuża ruħu diversi drabi. Żball simili għamlu d-Deputat Nazzjonalista Mario Galea. 
Id-deputat Godfrey Farrugia, minn fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni, ta laqta sportiva lill-plenarja, hekk kif kien liebes polo shirt blu. 
Is-sitwazzjoni sserjat ftit, meta waqt li kien qed jitkellem id-Deputat Nazzjonalista Karl Gouder, interrompiet id-Deputata Nazzjonalista Claudette Buttigieg, meta qalet li semgħet lill-Ministru Michael Farrugia jgħid il-kelma 'bullshit'.  Għall-ispjega li ta lill-Ispeaker Anġlu Farrugia, Michael Farrugia qal li hu kien qed jitkellem mal-kollega tiegħu, dwar suġġett mhux relatat.  Qabel ma kompla bid-diskors tiegħu, Karl Gouder qallu li dak li jitkellem dwaru huwa serju u mhux bħal kelma li uża hu. 
Sadanittant, wieħed seta' jinnota wkoll li wara biss l-ewwel seduta tisma' lill-Membri Parlamentari jitkellmu, jidher li d-deputata Laburista Rosianne Cutajar, ippreferiet titfa' l-earphones f'widnejha. Min jaf x'kienet qed tisma'?