Fil-pandemija ffriżajna l-embrijuni minflok impjantajniehom – Fearne

Fl-għeluq tad-dibattitu dwar l-estimi tal-Awtorità dwar il-Protezzjini tal-Embrijuni, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne għamel l-argument li d-deċiżjoni tal-Gvern li jintroduċi l-liġi kontroversjali dwar l-iffriżar tal-embrijuni f’dan il-mument ta’ kriżi, uriet li kienet deċiżjoni għaqlija għal ġid u s-saħħa tal-istess trabi li jitwieldu bl-IVF.

Huwa qal li bis-saħħa tal-liġi, l-embrijuni li ġew iffurmati fi Frar u Marzu, minflok ġew impjantati fin-nisa bir-riskju kollu li l-pandemija tal-coronavirus iġġib magħha, ġew iffriżati u se jintużaw iktar ‘il quddiem.

Hu qal li b’hekk potenzjalment ġew salvati trabi li jistgħu jitwieldu iktar ‘il quddiem, li hi waħda mill-miżuri l-ġodda li mistennija jidħlu fis-seħħ jekk il-pandemija tibqa’ taħt kontroll.

Fearne qal li l-IVF kien wieħed mis-servizzi li waqaf f’Marzu minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Huwa stqarr li dan twaqqaf biex l-infermiera jieħdu taħriġ ieħor kif ukoll minħabba nuqqas ta’ tagħrif tal-konsegwenzi li mara bit-trattament IVF tinfetta ruħha bil-coronavirus.

Hu qal li l-embrijuni kollha li bħalissa huma ffriżati, il-ġenituri jriduhom kollha u hemm il-pjan li jiġu implimentati. B’konsegwenza ta’ hekk m’hemm l-ebda embrijun għall-addozzjoni. 

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn