Il-Kunsill tal-Munxar ma jridx li jsir impjant tar-riċiklaġġ tad-demel qrib ir-residenti

Il-Kunsill Lokali tal-Munxar oġġezzjona formalment għall-possibiltà li jkun hemm impjant tar-riċiklaġġ tad-demel tal-annimali fi Triq iż-Żagħwri.
F’ittra miftuħa li ntbagħtet ukoll lill-Awtorità tal-Ippjanar, tliet ministeri u żewġ segretarjati parlamentari, il-Kunsill għamilha ċara li huwa kontra, u semma kif ġie avviċinat minn residenti mħassbin għax, skonthom, diġà beda jsir xi xogħol relatat mat-trattament tad-demel tal-annimali.
L-ittra tkompli tgħid li l-kunsill jinsab infurmat li nbdew anki xi xogħlijiet li mhux neċessarjament huma koperti mill‑permess meħtieġ tal‑awtoritajiet.
Dan jidwi dak li qal ilbiraħtlula l-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex, Chris Said, li minn dakinhar kien se jibda jopera l-impjant li la kellu permessi u lanqas sar studju dwar l-impatt ambjentali li jista’ jħalli.
Għal dan, il-Ministeri t’Għawdex u tal-Ambjent wieġbu li kull proġett ta’ dan it-tip irid jgħaddi mill-proċess indipendenti tal-ippjanar u għalhekk huwa ovvju li mhux talli ma bediex jaħdem, talli għadu lanqas ġie pproċessat mill-awtoritajiet ikkonċernati.
Il-Gvern qal li l-Oppożizzjoni missha tinforma ruħha sewwa qabel tivvinta li fil-Munxar beda jopera xi impjant ta’ riċiklaġġ tad-demel tal-annimali, u li kien mistenni aktar minn Għawdxi li qed jaspira li jkun Kap tal-Oppożizzjoni.
Fi stqarrija konġunta, il-ministeri rrimarkaw li sa issa kulma hemm huwa interess mis-settur privat biex issir riċerka fuq soluzzjoni għall-isfida ambjentali li teżisti bl-ammont ta’ materjal li ma jinħallx fl-ilma.
F’Għawdex hemm problema minħabba li l-bdiewa m’għandhomx fejn jarmu dan it-tip ta’ materjal. Barra minn hekk għax ma jinħallx fl-ilma u m’hemmx fejn jiġi ttrattat, joħloq problemi oħra fir-riżerva tal-ilma tal-qiegħ.
Il-proposta li tressqet hija dwar teknoloġija li tittratta u tifred id-demel biex dan jiġi rritornat lir-raħħala biex jużawh fl-għelieqi.
Ritratt: Arkivji