‘Fil-Mulej jgħixu għal dejjem:’ ir-riflessjoni tal-Arċisqof f’Jum il-Mejtin Kollha

Archbishop-Charles-J-Scicluna-Mass-Addolorata-cemetery
Miguela Xuereb

F’quddiesa fejn attendew qraba tal-vittmi tal-Covid-19 fl-okkażjoni tat-Tifkira tal-Mejtin Kollha, l-Arċisqof Charles Scicluna fittex li joffri kliem ta’ faraġ lil kull min esperjenza l-mewt tal-maħbubin tiegħu.

Il-quddiesa saret fil-kappella taċ-Ċimiterju tal-Addolorata, u r-restrizzjonijiet li ġabet il-pandemija fissret ukoll limitu fuq in-numru ta’ qraba li setgħu jattendu: qarib wieħed ta’ kull vittma ġie mistieden.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof fakkar kif il-protokolli madwar id-difna ċaħħdu lill-familjari tal-vittmi tal-Covid-19 minn funeral, minn okkażjoni fejn jistgħu jesprimu in-niket tagħhom.

Mons. Scicluna qal li l-pandemija għallmet ħafna lezzjonijiet, però l-aktar importanti kienu li fakkret kemm aħna dgħajfin. Għallmet ukoll kif ħafna drabi n-nies jintilfu wara l-frugħa u kif, fl-istess ħin, hemm affarijiet li verament essenzjali.

Tkellem fuq id-drawwa sabiħa li nies iżuru ċ-ċimiterji fix-xahar ta’ Novembru, fejn jimxu fost l-oqbra u jiltaqgħu ma’ qraba u ħbieb antiki. Iddeskriva ċ-ċimiterju bħala belt li ġejja mil-passat tagħna, iżda li għandha wkoll futur.

Fl-istess ħin, però, iċ-ċimiterju kien art il-ħajjin, anke jekk dawn ħallew il-fdalijiet tagħhom, fakkar l-Arċisqof.

“Hawn ħallew dak li jintemm, imma fil-Mulej jghixu ghal dejjem,” stqarr l-Arċisqof Scicluna.