Fil-Mongolja: Ftit Insara b’Fidi kbira

Il-fidi tal-ftit Insara fil-Mongolja tant hi qawwija li mara li kellha tidħol l-isptar, talbet permess biex tidħol xi jiem wara biex tkun tista’ tattendi għal sessjoni ta’ talb fi żmien l-Għid il-Kbir. L-aktar devoti huma l-katekumeni, fosthom xi żgħażagħ.
Dan stqarru Patri Giorgio Marengo, missjunarju li ilu jaħdem fil-Mongolja mill-2003.  L-insara fil-komunita’ tiegħu huma ftit – fir-Reġistru tal-Magħmudija hemm 27 persuna biss imniżżla – imma għandhom fidi kbira u kuraġġuża.
F’Sibt il-Għid l-Insara Inġabru flimkien, id f’id madwar l-altar u talbu skuża lil xulxin għax  forsi setgħu weġġgħu lil xulxin b’xi ħaġa li għamlu jew qalu. Ħafna minnhom bkew u wegħdu li jerġgħu jibdew iħobbu u jirrispettaw lil xulxin.
L-Insara jmorru l-knisja biex jitolbu u jipparteċipaw fil-liturġija. Il-fidi tagħhom hi kontaġġjuża. Tfal u żgħażagħ mill-kwartier fejn hemm il-knisja jinġabru kuljum biex jilgħabu u jagħmlu l-“homework” flimkien u ftit minnhom jattendu wkoll għall-funzjonijiet liturġiċi. Il-patri ma jobbliga lil ħadd joqgħod għal-liturġija.
Barra mill-knisja ebda sinjal li wasa l-Għid il-Kbir. Dak li jgħodd hu li dawn in-nies jiltaqgħu ma’ Kristu Rxoxt, sostna Patri Marengo.