Fil-Ministeru għall-Intern ingħataw 30 promozzjoni kuljum fix-xahar tal-elezzjoni

Fix-xahar tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet, kien hemm 900 promozzjoni f’entitajiet varji li jiffurmaw parti mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà, turi dejta pprovduta mill-Ministru Michael Farrugia.
L-informazzjoni ġiet ipprovduta fil-Parlament wara li d-Deputat Mexxej Nazzjonalista, Mario de Marco, saqsa kemm ingħataw promozzjonijiet fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Mejju u t-2 ta’ Ġunju 2017, kif ukoll għall-perjodu ta’ bejn is-7 ta’ Jannar u t-8 ta’ Mejju 2013.
Dan l-aħħar perjodu jirreferi għall-aħħar xhur ta’ Gvern Nazzjonalista u l-ewwel ftit ta’ Gvern Laburista.
Uħud mill-promozzjonijiet kienu wkoll datati b’lura, saħansitra promozzjoni mill-1988.
Il-Ministru Farrugia ta dettalji dwar kif seħħew il-promozzjonijiet għall-perjodu msemmi, skont tliet eżerċizzji.
L-ewwel eżerċizzju jsir kull sena skont liġi li tirregola l-Forzi Armati ta’ Malta (FAM), liema eżerċizzju beda f’Ottubru tal-2016 u ġie konkluż f’Mejju tal-2017.
It-tieni eżerċizzju hu dwar promozzjonijiet pendenti li kien qed jarahom il-bord tal-FAM u li kienu jduru ma’ inġustizzji li seħħew qabel Marzu tal-2013, xahar l-elezzjoni tal-2013 u fi żmien Gvern Nazzjonalista.
It-tielet eżerċizzju jirrigwarda promozzjonijiet lil Uffiċjali bil-Kummissjoni li jkun għalqilhom iż-żmien bejn grad u ieħor u jkunu ġew eliġibbli biex jieħdu promozzjoni.
Fil-perjodu msemmi għall-2017, kien hemm 16-il promozzjoni fil-Pulizija, kollha mir-rank ta’ kuntistabbli għal dak ta’ surġent.
Matul il-perjodu msemmi tal-2013, fl-istess korp, kien hemm promozzjoni waħda, minn supretendent għal kummissarju.
Għall-perjodu tal-2017, kien hemm 5 impjegati ċivili fil-Korp li ġew promossi għal Senior Operative. Ma kienx hemm promozzjonijiet simili għall-perjodu tal-2013.
Ritratt: Arkivji