Fil-Messiku: Rispett mill-konċepiment sal-mewt

F’dawn il-jiem, fi tliet pajjiżi fl-Amerika Latina, il-Messiku, l-Arġentina u l-Venezwela qed jittieħdu diversi inizjattivi għall-protezzjoni tal-ħajja umana f’diversi stadji tagħha u f’ċirkostanzi differenti.
Fil-pajjiż bl-akbar popolazzjoni fid-dinja wara l-Brazil, fil-Messiku, l-Isqfijiet qed iħeġġu lill-Kattoliċi biex fl-elezzjonijiet nazzjonali li se jsiru dalwaqt, imorru jivvutaw filwaqt li jikkunsidraw, “il-veritajiet fundamentali” li tana Kristu li jagħmlu l-ħajja tal-bniedem aktar ħielsa u dinjituża.”
Fost il-veritajiet indikati mill-Isqfijiet hemm:

  • Ir-rispett li l-bniedem jixraqlu mill-mument tal-konċepiment sal-mewt naturali tiegħu;
  • L-importanza taż-żwieġ eterosesswali u darba waħda;
  • Id-dritt li wieħed jgħix skont l-għażla kuxjenzjuża f’affarijiet reliġjużi; 
  • Iċ-ċentralità etika u soċjali tal-fqir u l-emarġinat fis-soċjetà

Fi stqarrija ffirmata mill-Kardinal Jose’ Francisco Robles Ortega, Isqof ta’ Guadalajara, u mill-Isqof Awżiljarju ta’ Monterrey, Alfonso Miranda Guardiola, intqal li l-fidi Nisranija “tittraxxendi l-proposti politiċi konkreti u tħalli lin-Nisrani liberu li jagħżel b’mod kuxjenzjuż skont il-prinċipji u l-valuri li jiskopri fl-esperjenza tal-fidi tagħhu”.
Meta wieħed jikkunsidra r-realtajiet tal-lum, fejn il-valuri fundamentali qed jisfumaw, l-Isqfijiet ħeġġew lill-Insara u n-nies ta’ rieda tajba biex jitolbu ħalli l-elezzjonijiet isiru fil-paċi.
Huma kkundannaw lil dawk li jivvutaw għal dak li hu “l-anqas ħażin” għax it-tagħlim tal-Knisja ma jaċċettax li wieħed jaċċetta dak li hu “moralment ħażin”.  Il-votant għandu jħares għal dak li hu “possibbilment tajjeb”.
“Tagħmel dak li hu ‘possibilment tajjeb’, ifisser li ġġib 'l quddiem il-ġid komuni, il-paċi, is-sigurtà, il-ġustizzja, ir-rispett tad-drittijiet umani, l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem u s-solidarjetà vera ma’ min hu fqir u eskluż”, kitbu l-isqfijiet.
Żiedu jgħidu li f’kull partit hemm nies li huma impenjati favur il-ġid komuni u b’responsabbiltà wieħed għandu jfittex l-aħjar persuni għal kull rwol u mhux jivvota għal blokk sħiħ jew ibiegħ il-vot li min joffrilu l-aktar.