Fil-Magħtab iż-żwiemel jistgħu jħammġu kemm iridu

Persuna li toqgħod il-Magħtab qalet ma’ Newsbook.com.mt li talbet lill-Kunsill Lokali tan-Naxxar biex jitwaħħlu tabelli bħal ma hemm f'Baħar iċ-Ċagħaq, biex sidien taż-żwiemel inaddfu l-ħmieġ li jħallu warajhom iż-żwiemel fit-toroq.
Spjegat li dwar dan kitbet ittra lill-Kunsill Lokali tan-Naxxar – li taħtu jaqa’ l-Magħtab – iżda r-risposta li rceviet kienet li “ma hemm l-ebda liġi li tirregola l-ħmieġ taż-żwiemel filwaqt li nafu fiċ-ċert li għal din ir-raġuni, ħadd mis-sewwieqa taż-żwiemel ma jieqaf inaddaf”.
L-ittra tkompli tgħid li meta twaħħlu tabelli simili f’Baħar iċ-Ċagħaq, “dawn ma ħallew l-ebda effett pożittiv, u li dan l-uffiċju ma jħossx li għandu jagħmel spejjeż żejda”.
L-istess residenta ilmentat li l-Magħtab huwa abbandunat mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar.  
Intant mistoqsijiet li Newsbook.com.mt baghat lill-Ministeru tat-Trasport dwar din il-kwistjoni għadhom ma ġewx imwieġba.