​“Fil-Madonna naraw tbatijiet attwali” – L-Arċisqof

“Fiha (il-Madonna tad-Duluri) naraw tant tbatijiet li mhumiex antiki elfejn sena, imma attwali. Illum niftakru f’tant ommijiet inkwetati minħabba wliedhom”.     
Hekk qal l-Arcisqof Charles Scicluna meta fl-okkażjoni ta’ Jum id-Duluri ċċelebra Quddiesa mal-istudenti tal-MCAST. Filgħaxija mbagħad l-Arċisqof iċċelebra wkoll il-quddiesa li tradizzjonalment issir fil-Knisja ta’ Ġieżu l-Belt Valletta, qabel il-purċissjoni tad-Duluri li din is-sena ġiet postposta għal għada minħabba l-maltemp.
Lill-istudenti tal-MCAST l-Arċisqof qalilhom li d-devozzjoni tant hija kbira illi “ f’dan il-pajjiż tgħaqqad diversi nies li, matul is-sena u llum iżjed u iżjed fuq il-mezzi soċjali, ikunu qegħdin jitqatlu bħal klieb u qtates.” Għalhekk hu talab li “bl-eżempju tagħha trattab ftit mill-ebusija tal-qalb tagħna.”
It-tbatija tal-ommijiet
Fost it-tbatijiet l-Arċisqof semma dawk taż-żgħażagħ li hemm fl-Imtaħleb, il-YOURS. Meta żarhom ftakar ukoll f’ommijiethom li jbatu meta jaraw lil uliedhom f’dik il-problema.  
“Bħall-ommijiet li fil-weekend jaraw lilkom, jaraw iż-żgħażagħ tagħna, joħorġu għall-postijiet tad-divertiment u l-mistoqsija hi: Se jkun hemm min jieħu ħsieb lit-tifel tiegħi, lit-tifla tiegħi? Jew se jiġrili bħalma ġara lil ħaddieħor: it-tifel joħroġ ħaj u nsibu katavru?”
Wara li tkellem dwar it-tbatijiet tal-Madonna, l-Arċisqof fakkar li “llum mhijiex biss il-festa ta’ maternità li tiswa ħafna tbatija, imma hija wkoll l-istedina ta’ solidarjetà vera.”
Minħabba f’hekk huwa sellem “lil kull min fid-dinja jagħti ħajtu biex ikun qrib min hu dgħajjef, min hu vulnerabbli, min hu batut… Id-dinja fiha ħafna solitudni għaliex fiha tonqos is-solidarjetà u r-risposta li rridu nagħtu llum mhux biss bil-preżenza tagħna u bid-devozzjoni tagħna lejn id-Duluri, hija li aħna nagħtu ħajjitna b’solidarjetà mal-proxxmu.”  
L-importanza tas-solidarjetà
L-Arċisqof ħeġġeġ lill-istudenti jistaqsu x’inhi d-dimensjoni ta’ solidarjetà f’dak li qegħdin jagħmlu, fil-motivazzjonijiet u fil-ħolm tagħhom.   Huwa qal ukoll li l-istudenti għandhom ikunu solidali ma’ xulxin.
“Kull wieħed u waħda minna jgħaddi minn mumenti ta’ kriżi, ta’ depressjoni, ta’ nuqqas ta’ ħila jew nuqqas ta’ saħħa fiżika jew mentali. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn xi ħadd li jkun qrib tagħna.”
Ġesu jgħallimna xi tfisser l-imħabba tal-iben
Filgħaxija fil-Knisja ta’ Ġieżu, l-Arċisqof tkellem dwar kemm hija ħaġa sabiħa li l-ulied ikollhom il-grazzja li juru mħabbithom lill-ġenituri tagħhom.
Wara li semma ż-żjara li għamel liż-żgħażagħ li qegħdin fil-kumpless YOURS fl-Imtaħleb semma ż-żjarat li jagħmel lill-morda f’Malta u barra u qal li f’dawn l-okkażjonijiet jiftakar ħafna fl-ommijiet u fit-tbatija li jgħaddu minnha.
“Għalhekk, illum niftakru f’kull omm għax kull omm dejjem tinkwieta għall-ulied. Meta jkunu żgħar mod, mhux hekk ngħidu?! U meta jikbru mod ieħor.”
L-Arċisqof qal li “Ġesù jgħallimna xi tfisser l-imħabba tal-Iben għax aħna qed infakkru l-imħabba tal-omm”  Ġesù imxappap fit-tbatija fada lill-ommu lil Ġwanni għaliex kien jaf li l-armla, meta jmutilha t-tifel, ma jkollha lil ħadd min jieħu ħsiebha.
Huwa qal li l-poplu Malti huwa mbierek għax huwa tant “ġeneruż f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà, ta’ mard u fl-istess ħin nitolbu għall-ommijiet u l-missirijiet kollha.
“Kemm hi ħaġa sabiħa, qal l-Arċisqof  “li meta mmur fir-residenzi tal-anzjani nara lill-ulied jieħdu ħsieb il-ġenituri, b’mod speċjali meta l-ġenituri moħħhom ma jibqax ikkonċentrat; tmur ħdejn ommok u ma tagħrfekx, u inti qisu ma ġara xejn. Jew inkella tmur ħdejn missierek li mhux jagħrfek u inti tħobbu, għax hu, meta inti kont tarbija, ħa ħsiebek u nadfek u ħa ħsieb li jkollok biex tgħix, u ħa ħsiebek u qallek kelma ta’ ġid.”
L-Arċisqof ikkonkluda billi qal li l-festa tad-Duluri tgħaqqadna f’dawn il-valuri kollha għax  “Ikollna kemm ikollna flus, m’għandna xejn jekk m’għandniex ir-rispett lejn xulxin u l-imħabba lejn xulxin.”
Tista' taqra l-omeliji sħaħ tal-Arċisqof hawn taħt:
L-omelija fl-MCAST
L-omelija fil-Knisja ta' Ġieżu