Fil-Libanu: “Bżonn l-għajnuna; inqerdu sptarijiet u r-riżerva tal-qamħ”

Inti tista' tgħin ittaffi l-uġigħ li qed isofri dan il-pajjiż bħalissa?

Wara splużjoni massiva f’Bejrut fil-Libanu, iċ-ċittadini spiċċaw fi kriżi kbira u fi bżonn kbir ta’ għajnuna mill-bqija tad-dinja. Mara li tgħix fil-Libanu u li hija qrib tal-Gvern fil-pajjiż, tkellmet ma’ Newsbook.com.mt u spjegat kif l-isplużjoni qerdet fost l-oħrajn sptarijiet ewlenin u r-riżerva tal-qamħ f’Bejrut.

F’aġġornament frekwenti li qed tagħti lil din il-kamra tal-aħbarijiet, il-mara spjegat li b’kollox inqerdu total ta’ tliet sptarijiet ewlenin. Xi ħaġa li tqajjem aktar tħassib minħabba l-għexieren ta’ persuni li ndarbu kawża tal-isplużjoni u li għandhom bżonn kura mmedjata sabiex isalvaw.

Hi spjegat li l-għaqda Red Cross, li hija għaqda internazzjonali li fergħa tagħha ilha għal snin twal stabbilita fil-Libanu, għandha bżonn għajnuna kbira. Il-Lebanese Red Cross Society titmexxa minn voluntiera li l-missjoni tagħhom hija li jintervjenu biex isalvaw il-ħajjiet f’każi ta’ diżastri umani jew naturali. Dawn jgħinu wkoll lill-pubbliku biex jipprevjeni, jipprepara u jkun kapaċi jirrispondi f’każi ta’ emerġenza.

Lukandi u monasteri jiftħu l-bibien għal dawk li tilfu djarhom

Il-mara spjegat kif għexieren ta’ persuni li kienu fiż-żona jew jgħixu qrib fejn seħħet l-isplużjoni tilfu djarhom kompletament. Spjegat kif ħafna lukandi u monasteri fetħu l-bibien tagħhom biex jilqgħu lil dawk il-persuni li spiċċaw mingħajr djar.

Hi tkellmet ukoll dwar il-ħidma li qed tagħmel l-għaqda Arcenciel li għandha 12-il ċentru madwar il-Libanu fejn tgħin persuni fil-bżonn. Din l-għaqda tgħin fl-integrazzjoni ta’ persuni u komunitajiet marġinalizzati. Temmen li kull persuna, irrelevanti x’diżabbilità jkollha, kapaċi tikkontribwixxi fil-komunità.

Bżonn ta’ demm u għajnuna fl-edukazzjoni

Hekk kif għexieren ta’ persuni ndarbu kawża ta’ din it-traġedja, il-pajjiż ġie fi bżonn kbir ta’ demm hekk kif ir-riżerva qed tixxotta. Il-poplu fil-Libanu qed ikun ikoraġġut biex jiddona d-demm jew f’xi sptar viċin, jew inkella lill-assoċjazzjoni Donner Sang Compter.  

Intant, il-mara spjegat ma’ Newsbook.com.mt li l-problemi li kienu diġà eżistenti fil-pajjiż b’rabta mal-edukazzjoni issa komplew jiggravaw. Appellat biex jekk hawn min f’Malta jista’ jagħti donazzjonijiet li jgħinu fl-edukazzjoni, mhux biss billi joffri s-servizz ta’ edukatur, iżda forsi jista’ jiddona kotba, biros, lapsijiet, pitazzi u affarijiet oħrajn li jgħinu fl-edukazzjoni tat-tfal, ikun qed jagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ għexieren ta’ tfal, speċjalment dawk li spiċċaw tilfu kollox kawża tal-isplużjoni.

150 mejta u 5,000 midruba

Intant, diversi kienu dawk li tellgħu posts fuq Facebook jitkellmu dwar is-sitwazzjoni kurrenti fiż-żona milquta. Raġel partikolari ppubblika sensiela ta’ ritratti u ta aġġornament tas-sitwazzjoni kurrenti. Sal-bieraħ filgħaxija kienu kkonfermati mejta 150 persuna, filwaqt li 5,000 persuna nstabu midruba.

Jidher li għad hemm mal-100 persuna li huma nieqsa u mat-300,000 persuna (aktar minn nofs il-popolazzjoni ta’ Malta) li spiċċaw mingħajr dar. L-isplużjoni tant kienet qawwija li saħansitra nħasset minn Ċipru u kkawżat terremot qawwi. Jidher li t-telf qabeż l-$10 biljun.

Ir-raġel sostna li l-ebda kamera ma tista’ tiddeskrivi dak li ra u dak li xamm ilbieraħ. Qal li hu saq il-mutur tiegħu fil-parti milquta ta’ Bejrut minkejja li ibnu pprova jwaqqfu milli jagħmel dan. Qal li hu libes il-flokk tiegħu li jgħid “Beirut Addict” b’missjoni li jqassam ilma lil kull min jiltaqa’ miegħu u li kien qed jaħdem biex inaddaf it-toroq ta’ Bejrut mit-terrapien.

Inti tista’ tgħin billi tagħmel donazzjoni

Hi spjegat li hemm diversi entitajiet li qed jiġbru d-donazzjonijiet biex ikunu jistgħu jlaħħqu mad-dannu li għamlet din it-traġedja. Qalet li fost dawn, wieħed jista’ jagħti donazzjoni lill-għaqda Red Cross fil-Libanu billi jgħafas hawn.

Intant, l-għaqda Arcenciel ukoll qed tagħmel talbiet għal donazzjonijiet fejn il-pubbliku jista’ jgħin b’diversi modi fosthom billi jmur bħala voluntier fiż-żona li ntlaqtet, jipprovdi kits mediċinali, għamara u bżonnijiet fiżiċi oħrajn jew inkella jagħti donazzjoni finanzjarja minn hawn.

Għaqda oħra li qed tagħmel ġbir ta’ fondi għal-Libanu hija JCI Lebanon. L-għaqda JCI (Junior Chamber International) hija għaqda internazzjonali li taħdem ma’ persuni bejn 18 u 40 sena fejn tgħinhom jitħarrġu sabiex ikunu mexxejja f’oqsma differenti tal-ħajja dejjem bil-għan li toħloq mexxejja bit-tir li jagħmlu tibdiliet pożittivi fis-soċjetajiet u l-komunitajiet tagħhom. L-għaqda JCI Malta, li hija fergħa tal-istess għaqda, ippubblikat link imnedija minn JCI Lebanon, fejn il-pubbliku jista’ jagħti d-donazzjoni tiegħu biex jgħin lil-Libanu joħroġ minn dan is-saram. Il-link hija aċċessibbli minn hawn.

Hemm ukoll is-Society of Saint Vincent de Paul, li skont ma kien jgħallem dan il-qaddis taħdem mal-ifqar fost il-fqar. L-għaqda tagħti wkoll għajnuna kbira lil persuni li jispiċċaw fil-faqar kawża ta’ diżastri naturali jew umani u tiffinanzja proġetti ta’ żvilupp. Tista’ tagħmel id-donazzjoni tiegħek lil din l-għaqda minn hawn.

Il-Libanu jiddikjara tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali

Il-Prim Ministru tal-Libanu, Hassan Diab, iddikjara tlett ijiem ta’ luttu li jibdew mil-lum, wara l-isplużjoni enormi li seħħet f’xi mħażen u li kkawżat massakru f’Bejrut, il-belt kapitali tal-pajjiż.

L-għadd tal-imwiet huwa mistenni jkompli jiżdied, b’riżultat tal-isplużjoni li skont rapporti uffiċjali ġiet ikkawżata minn ħażna kbira ta’ materjal estremament splussiv li ilu għal żmien maħżun f’kundizzjonijiet perikolużi fil-port.  It-timijiet tas-salvataġġ ħarġu diversi persuni mejta minn taħt it-tifrik u baqgħet għaddejja t-tfittxija għall-persuni mitlufa.

Huwa mifhum li fil-port kien hemm ħażna ta’ 2,750 tunellata ta’ nitrat tal-ammonju, prodott li jintuża għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti u bombi, li kien ilu miżmum fil-port għal sitt snin wara li dan il-materjal kien ġie sekwestrat.