Awdjo: ‘Fil-kuntest internazzjonali, Malta fost l-aħjar pajjiżi Ewropej’ – Dr Simon Busuttil

Il-Viċi-Kap Nazzjonalista, Dr Simon Busuttil, qal li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista ikomplu jibnu fuq ir-riżultati miksuba fl-aħħar snin fuq il-finanzi fis-sod tal-pajjiż.

Dr Busuttil qal li meta tikkumpara r-riżultat miksub minn Malta mal-kuntest internazzjonali, Malta għandha fost l-aħjar ekonomiji Ewropej fejn jidħol qgħad, deficit u tbassir ekonomiku.

Biex jikkonferma dan il-punt, il-Partit Nazzjonalista stieden lil Teresa Jimenez Becerril, MEP Spanjola.

Hi tkelmet fuq is-sitwazzjoni f’pajjiżha u fuq il-qgħad speċjalment fost iż-żgħażagħ Spanjoli. Qalet kif il-partit tagħha sab diżastru wara l-gvern ta’ Zapatero.

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali, li ffukat fuq l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ.

Dr Simon Busuttil qal li Gvern Nazzjonalista jkompli jsaħħaħ is-sistema tal-istipendji, u semma l-proposta li Gvern Nazzjonalista jħallas il-kontribuzzjoni tas-sigurta’ soċjali meta żagħżugħ ikun qed jistudja.

Qal ukoll kif ikun hemm żieda fil-boroż ta’ studju li jingħataw, minn 2000 għal 8000.

Dr Busuttil temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista huwa l-unika partit li jiggarantixxi l-ħolqien tal-impjiegi, b’mod speċjali fl-oqsma kruċjali tat-turiżmu, tax-xjenza u riċerka, manifattura, servizzi finanzjarji, marittimu u dak diġitali.