Fil-konfessjonarju hemm biss maħfra u ebda theddid

Ir-Randan hu żmien li jgħin biex nikkonvertu, nersqu aktar lejn Alla u nibdlu ħajjitna. Ejja nitolbu lil Alla jagħtina din il-grazzja. Alla qatt ma jieqaf isejħilna biex nibdlu ħajjitna u dan jagħmlu bil-ħlewwa u l-kunfidenza ta’ missier. Il-konfessuri jagħmlu l-istess.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li għadda l-Papa Franġisku fl-omelija fil-quddiesa tiegħu nhar it-Tlieta li għadda fil-kappella ta’ Santa Martha.
B’riferenza għall-qari tal-ġurnata mill-Profeta Iżaija, il-Papa qal li din hi sejħa għall-konverżjoni. Il-qari jurina kif Ġesù jħares lejn id-dnub.
Kristu ma jheddidx iżda jsejħilna b’imħabba u jagħtina l-kunfidenza.
"Wara li urihom il-ħażen li għandhom jevitaw u t-tajjeb li għandhom jagħmlu, il-Mulej jgħid lill-mexxejja ta’ Sodoma u Gomorra: 'Ejja nirraġunaw flimkien'. U Alla l-istess jagħmel magħna", qal il-Papa.
“Alla jgħidilna biex nirraġunaw flimkien u nitkellmu ftit flimkien. Ma jbeżżagħniex. Hu bħal missier ta’ tifel żgħir li għamel xi brikkunata u jrid jikkoreġih. U jaf li jekk ikellmu b’xi bastun f’idu l-affarijiet mhux se jitranġaw.  Allura jieħdu fil-ħlewwa u l-kunfidenza. 
Alla donnu qed jgħidilna: ‘ejja nieħdu kafè flimkien. Ejja niddiskutu. Tibżgħux mhux se nsawwatkom’.
U għax jaf li meta jgħidilna hekk aħna xorta waħda nħossu li għamilna xi ħaġa ħażina, ikompli jgħidilna: ‘Anke jekk dnubietkom huma suwed, jistgħu jsiru bojod daqs is-silġ’.
L-istess kif jagħmel missier ma’ ibnu, Ġesù jimliena bil-fiduċja u l-kunfidenza u jmexxina lejn il-maħfra. Jgħinna nagħmlu pass 'l quddiem lejn il-konverżjoni.
“Nirringrazzjaw 'l Alla għat-tjubija tiegħu. Hu mhux se jsawwatna jew jikkundannana. Hu ta ħajtu għalina biex jurina kemm iħobbna. Hu dejjem ifittex triq biex jasal f’qalbna.
U meta aħna s-saċerdoti, għan-nom ta’ Alla, ikollna nisimgħu l-qrar, aħna wkoll irid ikollna din l-attitudni ta’ tjubija. Għax kif jgħid il-Mulej: ‘Ejja niddiskutu. Mhux problema. Hemm il-maħfra u m’hemmx theddid.
Il-Papa semma l-esperjenza ta’ kardinal li fil-qrar, meta jiltaqa’ ma’ dnubiet serji, ma jiqafx fuqhom u jkompli jisma’ u jkompli jitkellem mal-penitent. “Dan jiftaħ il-qlub”, enfasizza l-Papa, u min qed iqerr iħossu fil-paċi. 
"Alla jagħmel l-istess magħna. Jaħfrilna. Ersqu lejn Alla b’qalb miftuħa. Hu l-Missier li qed jistenniekom", qal il-Papa.