Fil-Knisja: Affarijiet ma jinbidlu qatt; oħrajn iridu jinbidlu maż-żmien – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li fil-Knisja hemm ħwejjeġ li ma jinbidlu qatt u oħrajn li għandhom jinbidlu maż-żmien.
Waqt intervent li għamel waqt nofstanhar ta’ spiritwalità għall-kleru fil-bidu tar-Randan Imqaddes, l-Isqof Grech qal li dawn l-affarijiet it-tnejn huma meħtieġa biex wieħed jibqa’ fidil lejn Kristu. Skont l-Isqof, jekk wieħed jagħżel li jibqa’ ffossilizzat jirriskja li jintilef ukoll dal li ma jinbidilx. L-Isqof saħaq dwar l-importanza li kull tibdil isir quddiem il-preżenza ta’ Alla, għax jekk ma jsirx dan, ikun hemm riskju li l-Knisja tispiċċa bħala struttura soċjali.
Fi kliem Mons. Grech wieħed ma jistax ikun missjunarju jekk ma jkunx dixxiplu qabel. Issuġġerixxa li s-saċerdoti għandhom jieħdu bis-serjetà l-ħajja tal-grazzja u l-ħajja tat-talb b’aktar impenn.
Waqt il-laqgħa, l-Isqof Grech qal li japprezza l-impenn pastorali tas-saċerdoti u li japprezza li huma presbiteri. B’referenza għalihom stqarr li “m’aħniex perfetti, imma lanqas ma aħna xi diżastru. Ninnota li fost il-kleru hemm ħafna tajjeb. Nosserva li hemm xewqat qaddisa u rieda ta’ kollaborazzjoni. Ta’ dan kollu rrodd ħajr lil Alla u lilkom.”
Mons. Grech tkellem ukoll dwar sfidi mhux ħfief li hemm quddiem is-saċerdoti. Żied jgħid li l-aġġornament fil-Knisja mitlub mill-Konċilju Vatikan II dejjem qed isir aktar urġenti. Irrimarka li meta jkun hemm diskors “dwar riforma fil-Knisja jaf ikun hemm min jaqta’ qalbu għax jibda jħossu inċert u beżgħan.” Madanakollu, l-Isqof qal li hu mhux qed jibża’ peress li hemm il-Mulej u dak li fil-fehma tiegħu jitqies bħala l-aqwa interpretu tar-rieda tiegħu, jiġifieri l-Papa Franġisku.
Waqt l-intervent tiegħu, l-Isqof ta’ Għawdex tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ riformi fil-parroċċa. Qal li din “hija struttura bażika u antika” li għandha bżonn tifsila friska li tirrifleti ż-żmien tal-lum.
Waqt l-okkażjoni, huwa qassam il-librett Naqraw l-arloġġ ta’ żmienna, li fih miġbura riflessjonijiet li hu għamel dawn l-aħħar xhur. L-Isqof Grech qal li dawn “huma diskorsi fejn nindika x’inhuma l-ħsus ta’ qalbi dwar dak li huwa meħtieġ għall-Knisja tagħna fis-soċjetà tal-lum”. L-istess ktejjeb għandu jasal f’idejn l-operaturi lajċi fil-jiem li ġejjin.