“Fil-Knisja lokali u s-soċjetà ċivili hemm telqa u bżonn ta’ tiġdid” – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech qal li jitlob lil San Lawrenz jagħtina anke qatra demm minn tiegħu biex iġedded demmna bħala komunità Nisranija.
Fl-Omelija tiegħu fl-okkażjoni taż-żjara tar-Relikwa tad-Demm ta’ San Lawrenz Martri f’Għawdex minn Amaseno, l-Isqof Grech qal li jixtieq li hu żbaljat, imma jħoss li għandna bżonn demm ġdid fil-ħajja Nisranija u nitqarrqu jekk it-twemmin Nisrani nirrenduh sempliċi tradizzjoni ta’ missirijietna.
L-Isqof Grech qal li fil-Knisja lokali jara ċertu telqa, għeja u nuqqas ta’ ħajja – “ibda minni u ibqa’ nieżel sa isfel”.  Żied jgħid li donnu fostna xi kultant titla’ riħa ta’ għeluq u mewt.
Irrefera għal dak li jgħid il-Papa Franġisku, li Knisja magħluqa fiha nnifisha tmut, imma Knisja li tiftaħ il-bieb u tasal sat-trufijiet tas-soċjetà hija Knisja li għandha futur.
Mons. Mario Grech sostna li anke fis-soċjetà ċivili teżisti ċerta telqa u jista’ jkun hemm aktar tiġdid, kemm fl-istrutturi kif ukoll fil-metodi mħaddma. Spjega li l-bniedem tal-lum qed jitlef il-fiduċja tiegħu anke f’istituzzjonijiet ċivili, għax f’ħafna affarijiet ‘inkallajna u weħilna fl-imgħoddi’.
Saħaq li m’għandniex naqtgħu qalbna, jekk f’dan il-proċess ta’ tiġdid evanġeliku, ma nkunux mifhuma u niltaqgħu mar-reżistenza.
L-Isqof Grech qal li bħal fil-każ ta’ San Lawrenz, il-martirju mhux it-tmiem, għax id-demm tal-martri jsaqqi l-ħamrija li tnibbet żerriegħa ġdida u dan ikun garanzija ta’ ‘smewwiet ġodda u art ġdida’.