“Fil-Knisja hemm post għal kulħadd” – L-Isqof Mario Grech

Fl-okkażjoni tal-Assemblea tal-Azzjoni Kattolika f'Għawdex, l-Isqof Mario Grech appella lin-nisrani biex ma jibżax iħobb ħafna u jagħti skandlu ta’ dan.
“L-imħabba taf tkun skandaluża u xi ħadd jista’ jitfixkel meta jara lill-Knisja tħaddan lil kulħadd” qal Mons. Grech filwaqt li enfasizza li  fil-Knisja hemm post għal kulħadd.  
B’referenza għall-Vanġelu tal-Ħadd Mons. Grech qal li Ġesù ssorprenda lill-Fariżej u pproponielhom il-kmandament il-ġdid tal-imħabba li huwa l-qofol tal-Għaxar Kmandamenti. 
“Fostna għandna min hu fqir spiritwalment, min hu moralment marid u min iħossu orfni minn Alla.  Għandna wkoll min huwa konvint li huwa “barrani” fil-Knisja – jew għaliex tbiegħed jew għaliex ġie mbiegħed” sostna l-Isqof. 
Saħaq li n-nisrani għandu jħobb lill-fqir, il-marid, l-armla, l-orfni u  l-barrani u “ħadd ma għandu għax jinstaram jekk il-Knisja Omm tgħid biex inħobbu lil dawk li għal xi raġuni jew oħra ħaddnu stil ta’ ħajja Nisranija mxellfa”. 
L-Isqof ta’ Għawdex qal li ħafna drabi, bħall-Fariżej, in-nisrani jippreferi jaqbad “mal-formuli tad-duttrina tal-imgħoddi li ftit li xejn jikkomunikaw il-ferħ tal-Vanġelu”. 
Bħal ma għamel drabi oħra, l-Isqof Grech saħaq fuq il-bżonn li l-messaġġ tal-Vanġelu jasal b’mod frisk li jqanqal interess.  
Mill-esperjenza li kiseb fis-Sinodu dwar il-Familja, ħeġġeġ lill-Azzjoni Kattolika biex tkun miftuħa għas-sorpriżi ta’ Alla ħalli hi stess tkun ta’ sorpriża għall-bniedem tal-lum.
Ritratt: Charles Spiteri