Fil-Knisja hemm min suppost jipproteġi imma jispiċċa ‘joqtol’ – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li hemm nies fil-Knisja li suppost huma l-bieb li jipproteġi n-nagħaġ imma minflok isir dak li “jisraq, joqtol u jeqred”. Diversi fehmu din il-frażi bħala referenza għall-abbużi li saru minn xi membri tal-kleru.

Mons. Scicluna qal dan fl-omelija tiegħu fir-Raba’ Hadd tal-Ghid u fil-Jum Dinji ta’ Talb ghall-Vokazzonijiet. Il-Quddiesa saret fil-kappella taċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet fis-Seminarju tal-Arċisqof, Tal-Virtù.

L-Arċisqof offra din il-Quddiesa għal dawk kolha li mietu fl-aħħar sigħat, fosthom ghal Mons. Arthur Said Pullicino li fost responsabbiltajiet oħra fl-Arċidjocesi ta’ Malta, sal-2015 kien Vigarju Ġudizzjali responsabbli mit-Tribunal Ekkleżjastiku.

Fl-omelija tieghu dwar l-Evanġelju tar-Ragħaj it-Tajjeb, l-Arċisqof qal li Ġesù huwa l-garanzija tas-sikurezza u bħala r-raghaj hu stess jilqa’ l-attakki kontra l-merħla tiegħu. L-Arċisqof qal li l-Mulej jinsisti wkoll li minflok ir-ragħaj li jiddefendi l-merħla tiegħu, jista’ jkun hemm min jidhol biex “jisraq u joqtol u jeqred”.

“Sfortunatament illum ukoll huwa dover tagħna nitolbu maħfra ta’ kemm-il darba fil-Knisja min suppost huwa l-bieb li jipproteġi n-nagħaġ isir dak li ‘jisraq u joqtol u jeqred’.”

L-Arcisqof talab għall-vokazzjonijiet u stieden liż-żgħażagħ biex quddiem l-affarjiet ilellxu li toffri d-dinja, jirriflettu fuq dak li huwa l-iżjed importanti fil-ħajja tagħhom u fuq it-togħma tajba li l-Mulej jagħti lil ħajjithom.

Mons. Scicluna sellem lill-qassisin anzjani li bħalissa ħafna minnhom ma jistgħux joħorġu mid-djar tagħhom u jkunu qaddejja tal-poplu kif tant jixtiequ. Sellem ukoll lis-saċerdoti żgħażagħ mimlijin entużjażmu u heġġiġhom jifhmu wkoll li parti importanti mill-missjoni tagħhom hi li jitolbu u jinterċedu għall-poplu.