Fil-Klinika Piju XI sorpriżi jaraw lill-Papa l-ġdid fosthom

F’Ruma, ilbieraħ wara nofsinhar, il-Papa Franġisku mar iżur lil Kardinal Jorge Mejia, li jinsab rikoverat fil-Klinika Piju XI.

Il-Kardinal Mejia li huwa arkivista u bibljotekarju Emeritu tal-Knisja Romana kien ħassu ma jiflaħx dan l-aħħar. L-impjegati, dawk morda u l-viżitaturi kienu sorpriżi jaraw lill-Papa l-ġdid fosthom. Hekk kif wasal fil-klinika nfexxew f’ċapċipa kbira.

Aktar kmieni lbieraħ, waqt il-laqgħa li l-Papa Franġisku kellu mal-Kardinali, qalhom li nhar l-Erbgħa l-Kardinal Meja sofra attakk tal-qalb u ddaħħal il-Klinika Piju XI. Imbagħad qalilhom li l-kundizzjoni ta’ saħħtu kienet stabbli u bagħatlu x-xewqat tajba.