Fil-Kenja, il-Papa jappella għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni

Fid-diskors tiegħu quddiem l-awtoritajiet politiċi u ċivili, il-Papa Franġisku appella għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni. Dan wara li l-Papa kellu meħrba kbira fl-ajruport tal-Kenja u laqgħa mal-President Kenjan Uhuru Kenyatta.
Il-Papa Franġisku lbieraħ wasal il-Kenja għal żjara ta’ sitt ijiem madwar pajjiżi Afrikani. Fid-diskors tiegħu tkellem dwar uħud mit-temi li se jkun qed jindirizza f’din iż-żjara.
Fost oħrajn tkellem dwar iż-żgħażagħ, fejn sostna li dawn jirrappreżentaw il-futur u qal li dawn huma l-iktar riżors importanti għal pajjiż. Saħaq li l-vjolenza, il-kunflitt u t-terroriżmu huma riżultat ta’ biża’, povertà u frustrazzjoni.
Appella lil dawk preżenti biex f’xogħolhom dejjem jaħdmu għas-sewwa, għar-rikonċiljazzjoni, għall-paċi u għall-maħfra.
Tkellem ukoll dwar il-kriżi ambjentali li qed taffaċja d-dinja u qal li hu importanti li nieħdu ħsieb il-ħolqien.
L-ewwel appuntament tal-Papa Franġisku kien laqgħa ekumenikali u interreliġjuż li sar dalgħodu. Dan kien wieħed importanti għal nazzjon multi-kulturali bħall-Kenja, fejn wieħed isib diversi komunitajiet u reliġjonijiet differenti, fejn kollha għandhom rwol importanti fil-ħolqien ta’ soċjetà libera u demokratika.