Fil-jiem li ġejjin Joseph Muscat qed jistenna li jsiru iktar attakki

Il-Mexxej Laburista qal li fil-jiem li ġejjin qed jistenna li jsiru ferm iktar attakki u iktar agħar minn dawk li diġà saru. Dr Muscat qal li f’dan iż-żmien hu importanti li l-Partit Laburista jkun sod. Qal li l-Partit iddeċieda li t-tajn ma jmissuhx ma’ idejhom.

Dr Joseph Mucat qal dan waqt attività minn taħt it-tinda fil-Ħamrun. Għal darb’oħra saħaq li l-Partit Laburista se jkompli jagħmel kampanja pożittiva. Qal li min qed jikkritika qed jagħmel dan għax m’għandux proposti xi jħabbar.

Dwar ix-xogħol, id-Deputat Mexxej Laburista Louis Grech qal li qed ibassar li bil-mod ta’ kif il-Partit Laburista se jindirizza l-ekonomija, sal-2020, se jkun hawn mal-190,000 persuna li taħdem. Dan ifisser madwar 40,000 iktar minn kemm hawn bħalissa. Dwar ix-xogħol, il-Mexxej Laburista qal li dan mhux qed jinħoloq b’rata magħġla u mhux dejjem ikun ta’ kwalità.

Louis Grech tkellem dwar l-illitteriżmu li sejħilha l-ikbar problema fl-edukazzjoni. Qal li t-tablets huma priorità imma l-illitteriżmu hi aktar.

Mistoqsi dwar il-protezzjoni tal-annimali, Joseph Muscat qal li beħsiebu jżid il-pieni ħorox kontra l-moħqrija tal-annimali. Qal ukoll li se jaħtar Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Animali biex jinvestiga abbużi, jara li tiġi infurzata l-liġi u jmexxi kampanji edukattivi biex jiġu protetti l-animali.