Fil-jiem li ġejjin, iż-żwiemel fit-toroq se jkunu regolati

Il-Ministru għall-Infrastruttura Joe Mizzi ħabbar li ftit jiem oħra se jinħareġ l-avviż legali li jirregola ż-żwiemel fit-toroq.
Waqt laqgħa ta’ 'Gvern li Jisma'' li saret fil-Berġa ta' Kastilja, semma kif issa li saret il-konsultazzjoni mal-oqsma kollha involuti, l-avviż legali dwar l-użu taż-żwiemel fit-toroq se joħroġ dalwaqt.
Ilbieraħ stess, żiemel b'karozzin kien involut f'inċident ma' karozza fl-Imsida.
Għadda biex jitkellem dwar il-post fejn kien hemm il-venda tal-karozzi tal-linja fil-Belt, fejn qal li din se ssir żona pedonali. Madankollu qal li għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar x’se jiġri mill-gabbani fid-daħla tal-Belt.
Dwar it-trasport pubbliku, semma kif wara li kien hemm żieda ta’ 9 fil-mija fl-għadd ta’ passiġġieri li jużaw tal-linja, qed ikun hemm numru ta’ karozzi tal-linja li qed ikunu mimlijin. Qal li ġew ordnati 40 karozza tal-linja ġdida biex tittaffa din il-problema.  Semma kif s’issa diġà nxtraw madwar 100,000 card tat-trasport pubbliku.
Il-Ministru Mizzi rrefera wkoll għax-xogħlijiet fit-toroq fejn qal li l-proġett ta’ Triq il-Kosta mistenni jitlesta sa’ Novembru li ġej. Fl-istess waqt spjega li għaddejin xogħlijiet oħra fuq 72 triq.
Aċċenna wkoll għat-tlestija tal-proġett tal-Parlament il-ġdid, kif ukoll dak tar-restawr ta' Forti Sant’Iermu.