Filmat: Sejħa pubblika għal Kummissarju tal-Pulizija

Robert Abela jrid jibqa' jagħżel waħdu - il-PN

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-għażla ta’ Kummissarju tal-Pulizija se tibda b’sejħa pubblika hekk kif inhu rakkomandat mill-Kummissjoni Venezja li tisħaq li għandu jkun hemm kompetizzjoni pubblika biex timtela’ din il-kariga.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-Prim Ministru ħabbar id-dettalji ta’ proċess ġdid għall-għażla ta’ Kummissarju tal-Pulizija.

Akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u mill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis huwa qal li dan il-metodu huwa aktar trasparenti.

Mistoqsi dwar jekk kienx hemm konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru qal li dan il-metodu se jkun diskuss fil-Parlament filwaqt li qal li l-proposta tal-Oppożizzjoni ma tinkludix sejħa pubblika kif qed jipproponi l-Gvern.

Il-metodu tal-għażla propost mill-Gvern:

Spjega li l-proċess għandu jitmexxa mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li l-funzjoni tagħha huwa stabbilit fil-Kostituzzjoni b’rappreżentanti ugwali bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni u b’Chairman maqbul bejn il-partiti politiċi.

Sostna li dawn għandhom jevalwaw l-applikazzjonijiet u jaslu biex jagħżlu l-aħjar żewġ kandidati. Minn hawnhekk il-proċess jgħaddi għand il-Prim Ministru biex jagħżel l-aħjar persuna bejn dawn it-tnejn.

Il-PM spjega li għalkemm il-Kummissjoni ta’ Venezja provdiet il-veto lill-Prim Ministru biex ikun jista’ jirrifjuta l-għażla tal-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku, huwa qal li lest li jċedi dan il-veto għax ma jħossx li għandu jmur kontra dak li tgħidlu l-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku.

Qal li l-persuna magħżula mill-Prim Ministru tkun tista’ tidher quddiem il-Kumitat Parlamentari dwar il-ħatriet pubbliċi fejn il-membri tal-Oppożizzjoni jkunu jistgħu jagħmlu l-mistoqsijiet li jidhrilhom li huma xierqa.

Robert Abela jrid jibqa’ jagħżel waħdu – il-PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Robert Abela jrid jibqa’ jagħżel il-Kummissarju tal-Pulizija waħdu bħalma kien jagħmel il-PM Joseph Muscat. Il-PN qal li b’dak li ġie mħabbar mhux se jkun hemm kunsens nazzjonali dwar min jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid.

Il-PN spjega li l-proċess ta’ skrutinju quddiem kummissjoni u kumitat tal-Parlament il-Gvern għandu maġġoranza u allura għandu wkoll kontroll effettiv bl-għażla finali tkun tiegħu stess.

Qal li huwa ta’ għajb li l-Oppożizzjoni ġiet injorata u għaldaqstant appellaw li mill-iktar fis possibli, l-Parlament jiddiskuti u japprova l-abbozz ta’ liġi li ġie ppreżentat ilbieraħ.

Dalgħodu: Se jkun żvelat kif se jintgħażel Kummissarju ġdid

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li aktar tard illum se jkun qed jindirizza lill-midja f’konferenza tal-aħbarijiet biex jiżvela l-proċess ta’ ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija ġdid. Huwa qal dan meta mistoqsi dwar dak li ġie maqbul fil-Kabinett li tlaqqa’ aktar kmieni llum.

Id-Dipartiment tal-Informazzjoni ħabbar li l-Konferenza tal-Aħbarijiet se tibda fil-5.30pm f’Kastilja.

Il-PM qal dan ftit wara l-ġurament tal-ħatra tal-Ministru Anton Refalo.

Il-Ħadd, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li wara li l-proċess ġdid jiġi approvat mill-Kabinett, il-Gvern se jippreżentah fil-Parlament biex jiġi diskuss fl-ogħla istituzzjoni f’Malta.

Fl-ewwel konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, il-PM Robert Abela aċċetta r-riżenja ta’ Lawrence Cutajar minn Kummissarju tal-Pulizija u ħatar lil Carmelo Magri bħala Aġent Kummissarju li se jkun qed ikompli x-xogħol ta’ Kummissarju tal-Pulizija sakemm tinstab persuna oħra minfloku.