Fil-Ħamrun, flok marċ, flus għad-Dar tal-Providenza

Read in English.

Il-Ħamruniżi jpattu għad-diżżapunt li tħassar il-marċ ta’ filgħodu billi ngħaqdu flimkien u jikkontribwixxu l-flus li s-soltu jonfqu fil-festa lid-Dar tal-Providenza, fis-Siġġiewi.

Il-Ħamruniżi qamu bil-burdata li jiċċelebraw kif jafu huma l-festa tagħhom hekk kif bħalissa l-kuluri aħmar u blu kienu jiddominaw fi Strada Rjali , madanakollu din is-sena mhux possibbli minħabba restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tas-Saħħa minħabba l-Covid-19.

Il-każini fil-Ħamrun ta’ San Gejtanu u San Ġużepp magħrufin, tat-Tamal u tal-Miskina, nessew ftit rivalità bejnithom u ħassew li għandhom jagħmlu l-parti tagħhom propju f’jum il-festa ta’ San Gejtanu, li hu l-qaddis tal-Providenza.

“Minkejja li din is-sena kienet waħda iebsa ħafna mil-lat finanzjarju għaż-żewġ Soċjetajiet, kif kienet għall-Għaqdiet tal-Banda kollha…ż-żewġ Għaqdiet jissottoskrivu għall-prinċipju li l-isbaħ karità għandha ssir fis-silenzju, iħossu li b’dan il-ġest żgħir tagħhom kapaċi jħajjru Għaqdiet Mużikali oħra li bħalhom kienu se jiċċelebraw il-festa tagħhom, anke jekk forsi b’mod ridott,” stqarrew iż-żewġ Soċjetajiet.