​Fil-ħajja mhux kulma jleqq huwa deheb – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li fil-ħajja mhux kulma jleqq huwa deheb.
Fl-omelija tiegħu fil-Vġili tas-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Knisja ta’ San Franġisk ta’ Assisi fil-Belt Victoria, l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li huma diversi dawk is-sitwazzjonijiet meta wieħed isib ruħu ingannat mill-apparenza.
Bħala eżempju, Mons. Grech qal li wieħed jista’ jixtri tuffieħ “li jkun il-ġmiel tiegħu, imbagħad taqbad waħda u ssibha mħassra. Ġieli għajnejna jaqgħu fuq oġġett li naħsbu li huwa ta’ valur, imbagħad insibu li huwa magħmul mil-landa.”
Fl-omelija, l-Isqof stqarr li l-ġmiel mhux biss ipaxxi l-għajnejn u jserraħ il-qalb, imma huwa triq li twassal għand Alla, li huwa l-ġmiel mhux maħluq.
Fi kliem Mons. Grech, ħarsa fuq in-natura tal-madwar hija biżżejjed biex wieħed jerfa’ l-ħsieb tiegħu lejn Alla. Jekk illum it-triq tal-verità sfrondat, tant li ftit ikun hemm min jimpurtah mill-verità oġġettiva, wieħed ma jistax jgħaddi minnha biex jasal għand Alla li huwa l-istess verità.
L-Isqof kompla jgħid li l-ġmiel, li forsi huwa l-inqas ikkontestat, jiftaħ mogħdija li twassal għand Alla. “Imma l-esperjenza tixhdilna li l-ġmiel jaf ikun kawża tal-qerda tagħna, għax il-ġmiel huwa ambigwu” sostna l-Isqof Grech.
L-Isqof Mario Grech irrefera għal dal li qal Paul Evdokimow, “mhux Alla biss jilbes il-ġmiel, għax il-ħażin jaf imitah u dan jirrendi l-ġmiel ambigwu”.
Mons. Grech saħaq li hemm ukoll il-ġmiel tal-ġisem uman li huwa ta’ min japprezzah u jikkurah. Però, żied jgħid li faċli wieħed jinħataf mill-ġmiel tal-ġisem li jwassal għall-imħabba erotika li twassal għall-isfruttament tal-ġmiel. Fi kliem l-Isqof, dan huwa l-każ tas-seħer tal-pornografija, kemm dik tal-immaġni u kemm dik fattwali
Waqt l-omelija tiegħu, l-Isqof ta’ Għawdex qal lil dawk preżenti li jħoss li għandu jinsisti mal-komunità ekkleżjali li hemm bżonn li wieħed isir jaf lil Ġesù u hekk jitħalla l-ġmiel tiegħu jisseduċa u jisraq il-qlub.
L-Isqof Mario Grech qal li “huwa għalhekk li l-missjoni tal-Knisja l-ewwel u qabel kollox hija li tgħinna nsibu lil Ġesù. Xi drabi nħoss li dak “Ġesù” li writna għandu bżonn urġenti ta’ tfarfira; dak Ġesù li aħna konvinti li ltqajna miegħu jrid reviżjoni, għax xi drabi jista’ jingħata l-każ li aħna mhux minnu li ltqajna ma’ Ġesù, imma ma’ xi ħadd li kellemna dwaru. U meta l-għarfien tagħna ta’ Ġesù jkun ta’ natura sekondarja u mhux diretta, ma jkollna xejn solidu!”
Dwar Marija, Mons. Grech qal li hija mimlija bil-grazzja jew kollha sbuħija għax hija d-dixxiplu li tiftaħ qalbha għall-Kelma u tibqa’ miexja wara l-Kelma anki meta l-Kelma hija minxura fuq is-salib fejn il-ġmiel ta’ Alla jinħeba taħt il-kruha fiżika tal-Kurċifiss. 
Ritratt: Carmel Saliba