Fil-ġuri tal-qtil ta’ Serb, l-akkużat jgħid li pproteġa lilu nnifsu

Il-Bulgaru li lbieraħ beda għaddej ġuri dwar il-qtil ta’ Serb fl-2014, qal lill-Pulizija għal aktar minn darba li kellu joqtol wara li prova jipproteġi lilu nnifsu wara argument li nqala’ bejnu u bejn il-vitma dwar mużika b’volum għoli.
L-akkużat ta’ 29 sena, tenna li l-intenzjoni tiegħu ma kinitx li joqtol lill-vittma.
Dan ħareġ minn filmat ta’ meta l-Pulizija interrogaw lill-Bulgaru li ntwera lill-ġurati fil-Qorti fil-ġuri li qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi.
Il-Bulgaru qed ikun akkużat bi tliet kapi ta’ akkuża, bl-aktar waħda serja tkun dik li qatel lil Serb fil-bini ta’ appartamenti f’Buġibba. Qed ikun akkużat ukoll li kien fil-pussess ta’ arma waqt ir-reat.