Fil-Greċja – ħaddiema tat-tifi tan-nar jiġġieldu kontra nirien fil-foresti viċin villaġġ mal-kosta

A helicopter makes a water drop as a wildfire burns near the village of Kechries, Greece, July 22, 2020. REUTERS/ Costas Baltas

Read in English.

Ħaddiema tat-tifi tan-nar Griegi talbu għal rinforzi minn madwar il-pajjiż nhar l-Erbgħa biex jgħinuhom jikkontrollaw nirien fil-foresti li qed jinfirxu bl-għajnuna ta’ riħ qawwi, viċin il-villaġġ ta’ Kechries li jinsab mal-kosta fil-lvant tar-reġjun ta’ Peloponnese, skont uffiċjali tal-brigata.

L-awtoritajiet qalu li kellhom jevakwaw żona residenzjali hekk kif in-nirien, li qed jeqirdu s-siġar tal-arżnu, waslu viċin kamp militari fejn jinħażnu armi splussivi.

Iż-żona nħakmet minn duħħan iswed qawwi, u l-front tal-ħġejjeġ miexi lejn in-nofsinhar f’kundizzjonijiet b’irjiħat qawwija.

“Il-ħġejjeġ qed jintnefħu ‘l quddiem permezz ta’ rjiħat qawwija, u aħna rrakkomandajna li jiġu evakwati tliet żoni residenzjali. S’issa m’hemm l-ebda vittma u l-anqas ħsarat fil-bini u d-djar,” qal uffiċjal tat-tifi tan-nar.

L-awtoritajiet evakwaw il-kamp “Summerfun” bħala prevenzjoni, u t-tfal ittieħdu f’żona aktar sikura viċin il-bajja tal-villaġġ.

Aktar minn 70 ħaddiem tat-tifi tan-nar kienu qed jaħdmu biex jikkontrollaw in-nirien, bl-għajnuna ta’ ħames ħelikopters u żewġ ajruplani, kif ukoll għadd ta’ voluntiera. Aktar tard filgħaxija, waslu r-rinforzi mit-tramuntana tal-Greċja. L-irjiħat kienu waqfu imma n-nirien kienu għadhom qliel fuq diversi oqsma, skont xhieda fuq il-post.

Il-kap tal-brigata tal-pumpiera tal-Greċja vjaġġa lejn iż-żona biex jikkoordina l-isforzi, flimkien ma’ rinforzi li waslu fuq il-post.

Kechries, villaġġ fil-muniċipalità ta’ Corinth, hu msemmi għall-belt portwali antika ta’ Kenchreai. Dan il-post tassew sabiħ huwa mdawwar b’foresti folti, u huwa tassew popolari man-nies tal-lokal għall-għawm.