Fil-ġranet li ġejjin se jitnieda l-fond tal-maternità

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali Helena Dalli ħabbret li fil-ġranet li ġejjin, il-Gvern se jniedi l-fond tal-leave tal-maternità.
Hija fissret kif permezz ta’ dan il-fond, il-piż mhux se jibqa’ fuq min iħaddem partikolari fis-settur privat imma se jinqasam fuq kollha permezz ta’ kontribuzzjonijiet li jridu jitħallsu, irrileventi jekk il-kumpaniji jkunu jimpjegaw nisa jew le.
Spjegat li minn dan il-fond jitħallsu l-kontribuzzjonijiet tal-leave tal-maternità.
Il-Ministru Dalli għamlet referenza għar-rapport tal-aġenżija tal-kreditu internazzjonali Standard & Poor’s u qalet li dan ir-rapport jikkonferma l-ħidma li qed iwettaq il-Gvern biex jiżdiedu l-impjiegi.
Qalet li r-rapport juri biċ-ċar kif iż-żieda fin-numru tan-nisa li daħlu fid-dinja tax-xogħol u dawk li reġgħu bdew jaħdmu se jgħinu biex l-ekonomija ta’ Malta tkompli tikber.
Semmiet kif il-miżura taċ-childcare bla ħlas għall-ġenituri li jaħdmu u għal dawk li għadhom qed jistudjaw kienet strumentali biex żdiedet ir-rata ta’ nisa li qed jaħdmu.

Ritratt: DOI – Martin Attard