Fil-ġranet li ġejjin il-Gvern se jiddeċiedi fuq id-deroga għall-insib

Il-Gvern irċieva l-informazzjoni kollha meħtieġa biex japplika deroga fuq id-Direttiva Ewropea tal-Għasafar u b’hekk jiftaħ staġun limitat tal-insib fil-ħarifa.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li d-data li rċieva l-Gvern tinkludi informazzjoni xjentifika, legali u teknika fuq l-applikazzjoni tad-deroga.
Jirriżulta li fil-ġranet li ġejjin il-Gvern mistenni jieħu deċiżjoni fuq l-istaġun tal-insib skont ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-kumitat Ornis.
Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li waħda mil-limitazzjonijiet li qed jikkunsidra l-Gvern huwa li l-insib isir biss mill-għelieqi bil-ħamrija.
Dwar il-possibilità li l-Gvern iressaq id-deroga fuq id-Direttiva Ewropea tal-Għasafar, Newsbook.com.mt reġa’ tkellem mal-Kelliem għall-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-ambjent, li saħaq li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni għadha l-istess u l-ewwel trid titressaq id-deroga mill-Gvern Malti.
Il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea jinsabu f’kuntatt kontinwu dwar din is-sitwazzjoni.
Fil-ġimgħat li għaddew l-istess Kelliem kien stqarr ma’ Newsbook.com.mt li kif Malta tressaq id-deroga biex isir l-insib, il-Kummissjoni se teżamina l-legalità tagħha u jekk tikser il-liġi Ewropea, Malta terġa tispiċċa quddiem il-Qorti Ewropea.
F’preżent diġa kemm każi dwar Malta meta fil-passat ġew applikati derogi b’mod żbaljat biex sar l-insib.
Wara li Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea kien ingħata żmien ta’ tranżizzjoni biex l-insib jinqata’ għaliex mhux permess skont id-Direttiva Ewropea tal-Għasafar.