Filmat: “Fil-Ġordan biex jinfetħu swieq bejn in-negozji Maltin u Ġordaniżi”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat beda bl-impenji tiegħu fil-Ġordan b’laqgħa mal-Prim Ministru Ġordaniż Abdullah Ensour.
Hekk kif din hi l-ewwel darba li Prim Ministru Malti għamel żjara fil-Ġordan, ġew diskussi r-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.
Iż-żewġ Prim Ministri qablu dwar l-importanza tal-istabbiltà fir-reġjun u kemm il-Ġordan kif ukoll Malta, jistgħu jkunu importanti  minħabba li ż-żewġ pajjiżi huma stabbli u mexjin ‘il quddiem.
Il-Prim Ministru Malti qal li jinsab fil-Ġordan ukoll biex jinfetħu swieq ġodda bejn in-negozji Maltin u tal-Ġordan. Spjega li hu b’hekk li jakkumpanjawh fil-Ġordan hemm delegazzjoni ta’ negozji Maltin. Qal li Malta qed tara investiment mill-Ġordan fl-edukazzjoni terzjarja f’Malta permezz tal-American University of Malta.
Il-Prim Ministru tal-Ġordan tkellem dwar il-problema kbira tal-immigrazzjoni minħabba l-kunflitti fis-Sirja u qal li jistenna iktar għajnuna mill-komunità internazzjonali, li mhux neċessarjament tiġi minn għotjiet ta’ flus, iżda iktar minn kummerċ li joħloq xogħol u infrastruttura. Ġiet diskussa wkoll il-kriżi fil-Libja u anke l-kwistjoni Palestinjana.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm il-Ministri tal-Affarijiet Barranin, tal-Ekonomija u tat-Turiżmu taż-żewġ naħat, fejn ġie diskuss kif tista’ titjieb il-koperazzjoni bejn Malta u l-Ġordan.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin George W. Vella kellu taħdidiet uffiċjali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġordaniż, li miegħu ddiskuta l-kriżi reġjonali, it-theddida tal-estremiżmu, u x-xenarju tal-migrazzjoni li hi riżultat tal-gwerra fis-Sirja. 
Ritratt: DOI – Clifton Fenech/ Filmat: DOI