Fil-ġimgħat li ġejjin: Ismijiet irreġistrati bit-tipa Maltija

Dawk il-ġenituri li jixtiequ jirreġistraw l-isem tat-tarbija tagħhom bit-tipa Maltija, kif ukoll dawk li jixtiequ jagħmlu korrezzjoni minuri għal isimhom, se jkunu jistgħu jagħmlu dan fil-ġimgħat li ġejjin.

Dan tħabbar fi stqarrija mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat. Huwa qal li numru ta’ ġimgħat ilu talab li din l-anomalija titranġa bl-użu ta’ sistemi ġodda tal-IT. Filwaqt li qal li s-sistema l-ġdida tal-IT tar-Reġistru Pubbliku diġà tippermetti l-użu tat-tipa Maltija, ried isir xogħol biex is-sistema l-ġdida tkun aċċessibbli u tkun tista’ tikkomunika b’mod faċli ma’ sistemi oħra li diġà qed jaħdmu fis-settur pubbliku. Muscat spjega li f’abbozz ta’ emendi għal-liġijiet li kien diġà tħejja u li se jkun qed jitressaq dalwaqt, se jagħmilha possibbli biex każi ta’ korrezzjoni minuri għall-isem, isiru b’sempliċiment talba lid-direttur tar-Reġistru Pubbliku u mingħajr il-bżonn li l-applikant jagħmel rikors fil-Qorti.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-Akkademja tal-Malti appellat lis-Segretarju Parlamentari biex jieħu passi biex l-Uffiċċju jaddotta sistema li biha, ikunu jistgħu jintużaw l-karattri Maltin fl-ismijiet.

Dan wara li ftit jiem qabel, il-kwistjoni tqajmet fil-Parlament mid-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus, li ġibed l-attenzjoni tal-Kamra dwar dan wara li ra kitba fuq Facebook ta’ omm li ma tħallietx issemmi lil binha Ġorġ minħabba din is-sistema. Binha se jkollu jkun jismu Gorg. Callus sejjaħ din il-kwistjoni waħda tal-mistħija, speċjalment peress li suppost is-sistema kellha tiġi aġġornata sal-2017.

Ir-Reġistru Pubbliku kellu jdaħħal is-sistema tal-karattri Maltin sal-2017, iżda dan baqa’ ma sarx. Is-sistema kompjuterizzata li tintuża mir-Reġistru Pubbliku ilha fis-seħħ mill-1993 u tul dawn is-snin, bosta ġenituri kienu qed isibuha diffiċli biex jiktbu kif jixtiequ isem il-wild tagħhom. Din is-sistema ma taċċettax ċerti ittri fosthom dawk bil-Malti bħaċ-ċ, ġ, ħ u ż.