Fil-Ġappun robots jieħdu post l-istudenti fil-gradwazzjoni

FILE PHOTO: BBT UNIVERSITY/Handout via REUTERS.

Iċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni li s-soltu jsiru fil-Ġappun matul ir-rebbiegħa ġew ikkanċellati minħabba l-pandemija tal-coronavirus, imma studenti fi skola setgħu jattendu b’mod remot billi kkontrollaw avatar robots waqt li kienu lloggjati minn djarhom. 

Ir-robots, imsejħa “Newme” u żviluppati minn ANA Holdings, kienu lebsin il-brieret u l-ilbies tradizzjonali tal-gradwazzjoni matul iċ-ċerimonja li saret fil-Business Breakthrough University f’Tokyo.

L-‘uċuħ’ tar-robots kienu tablets li juru l-uċuħ tal-istudenti, li setgħu jilloggjaw mid-dar tagħhom u jikkontrollaw ir-robots permezz tal-laptops tagħhom.

Wieħed wara l-ieħor, ir-robots telgħu lejn il-podju biex jirċievu d-diploma tagħhom. Il-persunal tal-iskola ċapċpu u kkongratulaw lill-‘istudenti’ filwaqt li l-President tal-Università Kenichi Ohmae poġġa d-diplomi fuq pjanċa mmuntata mal-parti ċentrali tar-robot.

“Naħseb li din hija tassew esperjenza ġdida, li nirċievi ċertifikat f’żona pubblika filwaqt li jiena f’post privat” qal l-istudent Kazuki Tamura permezz tal-avatar tal-kompjuter waqt li rċieva d-diploma tiegħu għal kors tal-Masters.

L-Università tispera li din l-istrateġija tista’ tiġi adottata minn skejjel oħra sabiex jiġu evitati laqgħat tal-massa. 

B’riflessjoni ta’ dak li qed jiġri fil-ħajja reali, l-iskola llimitat iċ-ċerimonja għal erba’ studenti sabiex ir-robots setgħu jipparteċipaw fil-prattika ta’ social distancing minħabba l-pandemija.