Fil-Ġappun: Raġel jammetti li qatel 9 persuni

Takahiro Shiraishi - Japan Times

Fil-Ġappun raġel ta’ 29 sena wieġeb ħati għall-akkużi kollha relatati mal-qtil ta’ disa’ persuni; tmint nisa u raġel, fl-2017. Dan il-każ kien ixxukkja lill-pajjiż kollu.

Takahiro Shiraishi fil-Qorti qal li huwa kkuntattja lin-nisa li wrew ħsibijiet li jwettqu suwiċidju permezz tal-mezzi soċjali. Huwa spjega li ħa n-nisa f’appartament f’Zama, madwar 25 mil fil-Lbiċ ta’ Tokyo u wara li abbużahom sesswalment, seraqhom u fgahom.

Dawn l-omiċidji wassal biex l-awtoritajiet fil-Ġappun osservaw u waqfu siti fejn persuni jitkellmu dwar is-suwiċidju. Twitter introduċa wkoll diversi regoli sabiex jwaqqaf milli jippromwovi s-suwiċidju u li persuna tweġġa’ lilha nnifisha.

Ir-raġel li nqatel minn Shiraishi kien is-sieħeb ta’ wieħed mill-vittmi li qatlu fl-appartament tiegħu, wara li kkonfrontah dwar għibien tat-tfajla tiegħu.

Shiraishi jista’ jingħata l-piena tal-mewt jekk jinstab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Fil-Ġappun persuni li jinstabu ħatja li qatlu diversi persuni, serqu jew abbużaw persuni jingħataw piena tal-mewt li ħafna drabi ssir permezz tat-tgħalliq.

Shirashi kien inqabad f’Ottubtu 2017 wara li ħu wieħda mill-vittmi sab messaġġi mingħand Shirashi meta fittex fil-profil at’Twitter ta’ oħtu wara li din għebet. Ħu l-vittma qabbad persuna biex tikkuntattja u tiltaqa’ ma’ Shiraishi u wara informa lill-pulizija.

Meta l-pulizija marru fl-appartament tiegħu Shiraishi qallhom li l-ġisem tal-persuna li kienu qegħdin ifittxu kien fil-freezer. Fil-freezer sabu diversi partijiet mill-iġsma tad-disa’ persuni.