Fil-Filippini: 16 mejta u bosta bla djar wara li ntlaqtu minn tifun

It-tifun Phanfone ħalla mejta minn tal-inqas 16-il persuna ġewwa l-Filippini. It-tifun ħalla warajh diżastru fiċ-ċentru tal-pajjiż.

L-irwiefen leħqu qawwa ta’ 190km fis-siegħa. Minħabba dan tkissru djar, inqata’ d-dawl u għerqu diversi postijiet fil-provinċji. Huma bosta l-persuni li għadhom irrappurtati mitlufa. Eluf oħra spiċċaw bla dar.

L-aċċess għal uħud mill-gżejjer ‘l barra mill-kosta ġie sospiż mill-gwardja tal-kosta. It-tifun Phanfone laqat post viċin ir-reġjun li kien milqut mit-tifun Haiyan lura fl-2013.

Il-Papa Franġisku wera s-simpatija tiegħu lejn il-pajjiż. Hu qal li qed jingħaqad mal-uġigħ li affettwa lin-nies tal-Filippini. Hu wegħdhom li qed jitlob għall-vittmi, għal dawk li weġġgħu u għall-familji.